Internazzjonali

Lejn djalogu jew forza fl-Ukrajna

Il-Ministru tal-Intern Ukren, Arsen Avakov, wissa lill-attivisti favur ir-Russja li ħatfu kontroll tal-bini tal-Istat fl-ibliet tal-Ukrajna lejn il-Lvant li jeħtieġu jidħlu f’taħditiet magħhom bl-iskop li tinstab soluzzjoni politika u biex jevitaw ‘il-forza’.

Avakov insista li l-kriżi kellha tkun riżolta ‘b’xi mod jew ieħor’ fi żmien 48 siegħa, bit-tensjoni tibqa’ għolja mindu l-attivisti armati li jappoġġjaw lil Moska ħadu taħt idejhom il-bini tal-Gvern fl-ibliet ta’ Luhansk, Donetsk u Kharkiv.

Sadanittant, l-awtoritajiet tal-Ukrajna sostnew li għaddejja azzjoni ‘anti-terroristika’ fit-tlett reġjuni u li m’għandhiex tieħu ħafna żmien. Dan meta l-kap tal-attivisti li jinsab magħluq, flimkien ma’ sħabu, fil-kumpless għas-servizzi tas-sigurta tal-Istat f’Luhansk appella lill-President tar-Russja, Vladimir Putin ‘biex jgħin lill-ġellieda tiegħu’.

Aktar qabel, is-servizzi tas-sigurta Ukreni qalu li madwar sittin ruħ li kienu qed jinżammu fl-kumpless ta’ Luhansk ‘tħallew jitilqu’ wara li saru n-negozjati mal-politiċi lokali. Mhux magħruf kemm għad fadal persuni, inklużi ‘elementi radikali’, fil-bini inkwistjoni.

L-Unjoni Ewropea, r-Russja, l-Istati Uniti u l-Ukrajna l-ġimgħa d-dieħla għandhom jissieħbu fl-ewwel laqgħa ‘ta’ erbgħa’ mindu faqqgħet il-kriżi. Intant, hu ittamat li n-naħat rispettivi jirnexxilhom itaffu t-tensjoni li ilha tirranka mindu r-Russja għaqqdet il-penisola tal-Krimea (wara r-referendum speċifiku) mal-artijiet tagħha.

Fi żvilupp ieħor, il-President Putin issuġġerixxa biex il-kumpannija tal-enerġija Russa Gazprom, li hi kkontrollata mill-Istat, iġġiegħel lill-Ukrajna tħallas ‘bil-quddiem’ għall-provvisti tal-gass, għalkemm sostna li l-kumpannija, l-ewwel, għandha ‘tikkonsulta’ mal-awtoritajiet fi Kiev. L-Ukrajna għandha tagħti l-biljuni lir-Russja għall-provvisti tal-gass naturali u sa riċentament ma żammitx mad-deadline impost għal pagament.