Lokali Qorti

Louis Gatt jikkonferma li l-50 vot ta’ Claudette Buttigieg u l-10 voti ta’ Paul Buttigieg setgħu għamlu d-differenza fil-proporzjonalità

Il-50 vot ta’ Claudette Butigieg li kienu mal-pakketti ta’ voti ta’ Michael Asciaq fuq it-tmien distrett u l-10 voti li baqgħu ma nstabux li kienu ta’ Paul Buttigieg fuq it-13-il distrett setgħu għamlu d-differenza għall-mod kif tinħadem is-sistema elettorali f’Malta, dik ta’ proporzjonalità. Dan ħareġ fix-xhieda li kompla jagħti l-Viċi President tal-Partit Laburista u Kap tal-Uffiċċju Elettorali Laburista Louis Gatt meta kompliet tinstema’ l-kawża li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali minħabba nuqqasijiet li seta’ kien hemm fuq it-tmienja u t-13-il distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Louis Gatt, li kien qed iwieġeb fil-kontro-eżami għal domandi magħmula mill-avukat Paul Borg Olivier, qal ukoll li l-voti ta’ Claudette Buttigieg intirtu iżda ma kienx jaf eżatt kif għax dak il-ħin hu ma kienx fis-sala. Hu kien qed jitkellem biss fuq dak li qallu wieħed mid-Delegat tal-Partit Laburista Frederick Azzopardi. Hu qal li skont il-Liġi, il-voti ta’ Claudette Buttigieg intirtu skont il-preferenza ta’ Michael Axiaq għalkemm ma kienx ċert jekk ġarax hekk.

Gatt ikkonferma li l-iżbalji li saru setgħu għamlu differenza anke fir-ripeskaġġ għax li kieku Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi telgħu fuq il-merti tagħhom, xi ħaġa li setgħet tiġri li kieku ma sarux l-iżbalji, id-distakk bejn il-partiti fil-Parlament kien ikun wieħed differenti minn dak li attwalment hu.

Il-Partit Nazzjonalista beda l-proċeduri permezz ta’ Rikors Kostituzzjonali kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar l-eżitu tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fiż-żewġ distretti. Fir-Rikors qed jingħad li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti meta kkommettiet żbalji fit-trasferiment tal-voti, b’konsegwenza li żewġ kandidati tal-PN ma ġewx dikjarati eletti skont il-voti li ġabu.

Dan wassal biex minflok ir-rieda tal-votanti, jiġifieri li jiġu eletti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi f’isem il-Partit Nazzjonalista, ġew eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-Partit Laburista. Dan wassal ukoll biex ġab sitwazzjoni fejn id-distakk bejn il-Partit Laburista fil-Gvern u l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni hu ta’ disa’ siġġijiet minflok ta’ sebgħa.

L-iżbalji saru meta 50 vot li l-ewwel preferenza tagħhom ingħatat lil Claudette Buttigieg ma ġewx miżjuda mal-voti li kienet diġà kisbet Buttigieg u għalhekk in-numru ta’ voti hu skorrett. Il-Kummissjoni Elettorali aġixxiet b’mod simili fuq it-13-il distrett, fejn mal-għaxar għadd telgħet Justyne Caruana minflok Frederick Azzopardi wara li nstabu 10 voti nieqsa mill-għadd.

Għaldaqstant, il-PN u ż-żewġ kandidati qed jitolbu li l-Qorti ssib li l-aġir tal-Kummissjoni Elettorali jiġi dikjarat li jmur kontra d-dritt fundamentali ta’ elezzjoni ħielsa li tirrispetta l-voti mixħuta u konsegwentement jiġi ndirizzat il-preġudizzju li sofra l-PN u ż-żewġ kandidati. Dan billi jiġi korrett in-numru ta’ Deputati eletti fil-Parlament biex ikun jirrifletti rappreżentanza proporzjonali.

Għall-PN qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Paul Borg Olivier, għall-Partit Laburista l-avukat Pawlu Lia u Prof Ian Refalo għall-Kummissjoni Elettorali. Il-kawża tkompli fit-2 ta’ Mejju li ġej.