Editorjal

Muscat jużak u jarmik: issa jmiss lill-kaċċaturi

Dan l-aħħar inqala’ inċident interessanti li kixef kif il-Prim Ministru Joseph Muscat jużak u jarmik. Muscat uża u rema lil Godfrey Farrugia u lil Franco Mercieca; ħiereġ kif Muscat uża u rema lil Joseph Cuschieri li kien ċeda s-siġġu tiegħu fil-Parlament propju lil Muscat; u issa għadu kemm ħareġ kif Muscat uża u qed jarmi lill-kaċċaturi.

Brian May mistieden mill-gvern…
Il-gvern stieden lill-gitarrist Ingliż tal-Queen, Brian May, għal kunċert f’Misraħ il-Palazz is-Sibt li għadda biex ifakkar il-35 sena minn tmiem il-kirja tal-bażi militari Ingliża f’Malta.

…b’kummenti kontra l-kaċċa
Brian May hu magħruf ħafna għall-fehmiet tiegħu kontra l-kaċċa ta’ kull tip u waqt il-kunċert tiegħu f’Malta għadda kummenti kontra l-kaċċa f’Malta u appella biex in-nies jivvutaw kontra l-kaċċa fir-referendum li se jsir wara li nġabru l-firem.

Lil hinn minn x’naħsbu fuq il-kaċċa, Muscat inkixef…
Kif wieħed jistenna, inqalgħet kontroversja. Fuq il-kaċċa kulħadd donnu għandu opinjoni qawwija ħafna. Imma, ‘l hinn minn x’naħsbu fuq il-kaċċa u fuq ir-referendum, din il-kontroversja kixfet kemm Muscat jużak u jarmik.

…b’aktar kummenti ta’ Brian May fuq il-blog tiegħu
Għax wara li ħarġu stqarrijiet kontra Brian May, dan malajr wieġeb fil-blog tiegħu u, bħal meta n-nies jiġġieldu u jgħidu lil xulxin dak li qabel qatt ma kienu qalu, Brian May fir-rabja tal-kumment kixef il-borom ta’ Muscat.

“Il-gvern favur ir-referendum għax b’hekk jeħles mill-kaċċa”
Għax qal hekk Brian May: “Il-gvern (ta’ Muscat jiġifieri) hu favur ir-referendum, imma ma jridx jidher li hu kontra l-lobby tal-kaċċaturi. Allura r-referendum jagħti ċ-ċans lill-gvern biex jeħles mill-kaċċa bla ma jdawwar lill-kaċċaturi kontrih.”

Lil Brian May, qalhielu min ġabu
Issa Brian May kif jaf dan fuq il-gvern ta’ Muscat? Żgur ma qalagħhiex minn żniedu din; jaf Brian May għax qallu min ġabu Malta, il-gvern stess.

“Il-gvern irid jeħles mill-kaċċa u jgħid lill-kaċċaturi li mhux tort tiegħu”
Mela Muscat f’Xarabank qal li hu kontra r-referendum; imma issa Brian May giddbu: Muscat favur ir-referendum. U żied jikxfu Brian May lil Muscat: ir-referendum jagħti ċ-ċans lil Muscat jeħles mill-kaċċa imma lill-kaċċaturi jgħidilhom, ‘mhux jien taf’; is-soltu ritornell ta’ Muscat li f’kulma jinqala’ ħażin jara kif iwaħħal f’xi ħadd ieħor.

Muscat jużak u jarmik… issa jmiss lill-kaċċaturi
Dan hu Muscat: jużak u jarmik. Għall-voti għamel ħafna wegħdi u kompromessi, fil-pubbliku u fil-privat. Imma wara l-vot, issa qed jara kif b’ħażen kbir – ħażen fiż-żewġ sensi – qed jarmi lin-nies. U f’dal-każ, kif kixfu Brian May, issa jmiss lill-kaċċaturi.

Brian May kixef lil Muscat u żgur ma vvintax
Muscat bil-make-up quddiem il-cameras tat-television jgħid, ‘ma tarax, jien kontra r-referendum.’ Brian May, li ġabu l-gvern stess, żgur ma vvintax u kixfu: Muscat favur ir-referendum ħalli jeħles mill-kaċċa imma lill-kaċċaturi jgħidilhom ‘mhux jien’ fl-iskuża klassika ta’ min jużak u jarmik.