It-Tnejn għalaq iż-żmien biex jitressqu l-offerti għas-servizz tat-trasport pubbliku u wara li ħarġu l-ismijiet tat-tliet konsorzja li esprimew l-interess tagħhom, waħda barranija u tnejn lokali, MaltaRightNow.com jista’ jikkonferma wkoll minn min huma komposti l-konsorzja nteressati u d-dettalji tagħhom. Offerta oħra daħlet wara li kien għalaq iż-żmien u s’issa ma ħargu l-ebda dettalji dwarha.
Il-kumpanija Spanjola jisimha Autobuses de Leon. Din tifforma parti mill-kumpanija ALSA, li hi sussidjarja Spanjola tan-National Express Group tal-Ingilterra, li hu grupp tat-trasport li jipprovdi servizzi tal-linja u bil-coach fi Spanja u f’diversi pajjiżi oħrajn Ewropej u anke fil-Marokk.
L-ewwel konsorzju Malti, li jismu Island Buses Malta, hu ffurmat minn mill-anqas 7 kumpaniji jew individwi: Zarb Coaches, Paramount, Cancu Supreme, Ta’ Peppin, Garden of Eden, Mamo tal-Fiat u l-kumpanija ta’ Mario Cilia minn San Pawl il-Baħar, li għandu wkoll interessi fir-Renju Unit. Il-maġġoranza ta’ dawn il-kumpaniji jiffurmaw l-Unscheduled Bus Services (UBS). Jidher li wieħed minn dawn is-sebgħa kien ukoll interessat li jitfa’ l-offerta b’mod konġunt mal-kumpanija Skoċċiża McGills, li iżda rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li qalet li sabet min-naħa tal-Gvern.
L-offerta l-oħra ntefgħet minn konsorzju ieħor lokali, li jirriżulta li hu ta’ sidien Għawdxin. Qed jingħad li din il-kumpanija, li jisimha Gozo First Travel hi nteressata li tħaddem is-servizz f’Għawdex biss, tant li talbet sussidju speċifiku għal Ghawdex fil-livell ta’ €2 miljun. Min-naħa l-oħra, aktarx li l-konsorzju l-ieħor Malti qed jitlob sussidju li jlaħħaq l-€40 miljun. Sorsi li tkellmu magħna fakkru kif il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi kien iddeskriva t-talba ta’ €25 miljun f’sussidju li kienet għamlet il-kumpanija Arriva biex tħaddem ir-rotot li talabha l-Gvern Laburista bħala għolja wisq.
Dan kien wassal biex Arriva ma komplietx tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku u telqet minn Malta. Għalhekk, wieħed jistenna li biex is-servizz il-ġdid ikun vijabbli, is-sussidju ma jkunx ta’ aktar minn €25 miljun, anke wara li fil-Baġit 2014 il-Gvern ivvota biss sussidju ta’ €9 miljun għat-trasport pubbliku. Fl-aħħar jiem kien żvelat fil-Parlament li kemm ilu jħaddem is-servizz b’mod proviżorju l-Gvern, għamel telf ta’ €2.2 miljun fix-xahar.
It-tagħrif li ta l-Ministru Mizzi għal Mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina turi li f’sena dawn jiġu jammontaw għal aktar minn €26 miljun. Fl-aħħar jiem ħarġet ukoll l-aħbar li l-Gvern se jikri 45 karozza tal-linja addizjonali għal perjodu ta’ sena, bi spiża ta’ madwar €12 miljun oħra fis-sena.
//= $special ?>

