Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant sostna li ma għamel xejn ħażin meta għajjar lill-President Emeritu George Abela ‘opportunist’. Fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ maltarightnow.com, Marc Sant ikkonferma li uża l-kelma opportunist fil-konfront ta’ George Abela, u nsista li mhux se jirriżenja minn President tal-AKL għaliex fi kliemu, għandu dritt jesprimi l-opinjoni personali tiegħu.
Hawnhekk, Marc Sant qal li għandu kull dritt li jesprimi dak li jħoss fuq il-profil personali tiegħu. U la darba ma qalx dak li qal waqt attività jew fuq is-sit tal-AKL, m’għandux għalfejn jirriżenja.
Mistoqsi għalfejn iddeskriva lil George Abela bħala opportunist, Marc Sant qal li għaliex għandu d-dritt u l-libertà li jagħti l-opinjoni tiegħu anke jekk mhux kulħadd jaqbel magħha.
U qabbel lill-President Emeritu George Abela mal-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit. Għaliex għal mistoqsija li saritlu, Marc Sant wieġeb b’mistoqsija oħra. U staqsa għalfejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irrefera għal Peter Paul Zammit bħala pupazz.
Reazzjoni b’saħħitha għal dak li qal Marc Sant dwar George Abela waslet minn iben il-President Emeritu, Robert Abela, li spiċċa biex iddeskriva lil Marc Sant bħala bniedem bla dekor u rispett.
It-tweġiba ta’ Marc Sant għal kif iddeskrivih Robert Abela kienet li Robert huwa kollega tiegħu – għax it-tnejn huma avukati – u ilu jaf lil oħtu, Maria għal snin twal. Għandu dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu u m’għandi l-ebda hard feelings lejh, qal Marc Sant.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Stefan Bountempo tefa’ l-pressjoni fuq l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex tieħu passi fil-konfront tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant.
Fil-fatt, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li bgħatnielu, Stefan Bountempo qal li hu personalment ma jħossx li għandu jieħu passi kontra Marc Sant, għaliex essaċċ, ir-regoli tal-Kunsilli Lokali ma nkisrux. Iżda Stefan Bountempo kompla jgħid li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija awtonoma u għalhekk, l-Eżekuttiv tagħha għandu kull dritt u poter li jinvestiga u jieħu passi kontra kull membri tiegħu, inkluż il-President.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista mhux qed jeskludi li jieħu passi kontra l-Kunsillier Laburista. Fit-tweġibiet għall-mistosqijiet li għamilna, id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, la kkonferma u lanqas ċaħad li l-Partit Laburista se jieħu passi kontra Marc Sant. Qal biss li l-Partit Laburista huwa konxju tad-dikjarazzjoni li għamel il-kunsillier tiegħu fil-konfront ta’ George Abela, u hemm proċess li se jkun qed jiġi segwit.
//= $special ?>