Aġġornament: 10.30am | Vince Muscat kien wieħed mill-persuni akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ Pulizija f’hold-up li falla fil-Head Office tal-HSBC f’Ħal Qormi fl-2010. Muscat kien ingħata l-libertà proviżorja. Jidher li l-mod kif seħħet l-isparatura kien simili għal dik tal-4 ta’ Frar, meta Joe Galea, ta’ 58 sena u magħruf bħala “Il-Ġilda”, inqatel b’tiri b’arma tan-nar barra daru fil-Marsa. Madankollu, mhux magħruf jekk iż-żewġ każi humiex relatati.
Aktar kmieni …
Raġel ta’ 52 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li tard ilbieraħ filgħaxija ntlaqat minn tiri b’arma tan-nar fi Triq Bordin, l-Imsida. Minn stħarriġ preliminari li għamlet il-Pulizija jirriżulta li r-raġel, Vince Muscatli jgħix fl-istess triq, kien għadu kif ħareġ mir-residenza tiegħu għall-ħabta tal-11.30pm u hekk kif kien se jirkeb il-vettura, ġew sparati numru ta’ tiri li wħud minnhom laqtuh.
Jidher li b’kollox ġew sparati ħames tiri u Muscat, minkejja li ndarab, irnexxielu jsuq lejn l-Għassa tal-Imsida minfejn talab l-għajnuna. Il-Pulizija li kienu fl-Għassa tawh l-ewwel għajnuna sakemm ġiet Ambulanza li wasslitu għall-kura fl-Isptar Mater Dei. L-ewwel riżultati mediċi wrew li r-raġel, li hu magħruf sew mill-Pulizija, jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu li jitlef ħajtu.
Il-Magistrat tal-għassa Ian Farrugia ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-inkjesta. Il-Pulizija qed tinvestiga dan l-attentat ta’ qtil u s’issa jidher li ebda persuna ma ġiet arrestata.
//= $special ?>