Lokali

Telf enormi għat-‘taxpayer’ mit-trasport pubbliku tal-Gvern

It-telf straordinarju li l-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport għamlet fl-ewwel tliet xhur li fihom it-trasport pubbliku kien f’idejn il-Gvern hu ta’ nkwiet kbir għal kull min iħallas it-taxxi. Dan it-telf ammonta għal €7 miljun fi tliet xhur biss. Dan ifisser li, fi tliet xhur biss, il-Gvern ġiegħel lit-taxpayer Malti jħallas daqskemm kien iħallas qabel f’sena sħiħa sussidju lill-kumpanija Arriva.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina, il-Partit Nazzjonalista qal li din hi sitwazzjoni inaċċettabbli minn Gvern li ftaħar li qed imexxi t-trasport pubbliku aħjar mill-kumpanija Arriva u li kien jiddeskrivi s-servizz tal-Arriva bħala “diżastru”. Issa ħierġa l-verità tat-tmexxija tassew diżastruża tal-Gvern fit-trasport pubbliku f’dawn it-tliet xhur. Minħabba din it-tmexxija ħażina tal-Gvern, il-Gvern Laburista tellef lil kull min iħallas it-taxxi €7 miljun fi tliet xhur, filwaqt li s-servizz mar lura.

Il-Gvern neħħa s-servizz ta’ billejl fi tmiem il-ġimgħa, numru ta’ rotot tneħħewlhom l-aħħar karozzi tal-11pm u numru ta’ rotot qed jaħdmu b’karozzi li ħafna anzjani, persuni b’diżabbiltà u nisa bit-tfal ma jistgħux jużawhom. Barra minhekk, l-interess li l-Ministru Joe Mizzi kien sostna li kien hemm fil-kuntratt tat-trasport pubbliku ma rriżultax. Tliet kumpaniji biss urew interess fis-servizz tat-trasport pubbliku u mnalla wrew l-interess tagħhom żewġ kumpaniji Maltin għax kieku l-Gvern ma kien ikollu l-ebda għażla ħlief li joqgħod għall-kundizzjonijiet ta’ kumpanija waħda.

Il-PN qal li n-nuqqas ta’ nteress juri li l-Gvern qed jirnexxielu jgerrex l-investiment barrani. Dan jirriżulta mill-fatt li diversi kumpaniji privati barranin irtiraw l-interess tagħhom u kkummentaw pubblikament li l-Gvern gerrixhom bil-ħabi u l-indħil, li huma ta’ theddida għall-investiment. Il-PN awgura li l-Gvern ma jibqax jitfa’ l-piżijiet enormi fuq min iħallas it-taxxi, kif għamel f’dawn l-ewwel tliet xhur li fihom ħaddem it-trasport pubbliku. Awgura wkoll li l-Gvern itejjeb is-servizz li mar lura f’dawn it-tliet xhur li fihom ħaddmu l-Gvern.