Lokali

Appoġġ lill-istituzzjonijiet li jagħtu servizz soċjali lill-persuni bi bżonnijiet speċjali

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ lill-istituzzjonijiet li jagħtu servizzi soċjali fil-pajjiż lil persuni bi bżonnijiet speċjali. Fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni se tesiġi li l-wegħdi elettorali li saru qabel l-aħħar elezzjoni issa jinżammu mill-Gvern. Il-pożizzjoni tal-PN fir-rigward tal-entitajiet soċjali fil-pajjiż kienet espressa mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil waqt żjara uffiċjali f’Dar il-Kaptan fl-Imtarfa, fejn iltaqa’ kemm mat-tmexxija tad-Dar kif ukoll mar-residenti li jgawdu mis-servzzi tagħha.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Impjiegi u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri u mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola. Simon Busuttil qal li Dar il-Kaptan hi opra soċjali mportanti ħafna li kienet infetħet fl-1991. Spjega kif tul dawn is-snin tat servizzi professjonali u tant essenzjali fis-soċjetà. Hu sostna li l-PN dejjem appoġġja u jibqa’ jappoġġja x-xogħol li istituzzjonijiet bħal Dar il-Kaptan jagħtu fis-soċjetà, filwaqt li ddikjara li l-Oppożizzjoni lesta tappoġġja lill-Gvern fit-twettiq ta’ politika li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni bi bżonnijiet speċjali.

Dan hu settur mingħajr diviżjoni politika, sostna l-Kap tal-Oppozżizzjoni, li fakkar kif il-PN se jkun qed jesiġi li l-Gvern iżomm il-wegħdi elettorali li għamel ma’ dan is-settur qabel l-aħħar elezzjoni. Fost dawn il-wegħdi hemm dik li jkunu pprovduti djar residenzjali lill-persuni bi bżonnijiet speċjali li l-ġenituri tagħhom jiġu nieqsa. Il-Kap tal-PN sostna li l-PN jaqbel mal-Abbozz ta’ Liġi dwar Persuni b’Diżabbiltà u se jkun esiġenti li dan jitwettaq. Simon Busuttil sostna li f’dan l-istadju l-PN qed ikompli jaġġorna l-politika tiegħu fis-settur soċjali u spjega kif kull meta kien fil-Gvern, il-PN dejjem wettaq politika favur is-settur soċjali u introduċa inizjattivi u riformi li tejbu bil-kbir il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna.