Lokali

Dokument ġdid b’informazzjoni u statistika dwar l-immigrazzjoni f’pajjiżna u fil-Mediterran

Dokument ġdid bl-isem ta’ #knowthefacts – A Toolkit on Asylum and Migration for Maltese MEP candidates għandu l-għan li jservi ta’ għodda għall-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, biex jibbażaw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-ażil u l-immigrazzjoni għaliex jiġbor fih informazzjoni fattwali dwar dan is-suġġett tant rilevanti għal pajjiżna.

Id-dokument, li jiġbor l-iktar informazzjoni riċenti minn numru ta’ sorsi uffiċjali fosthom il-UNHCR, il-Eurostat u l-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżna mhux biss jagħti l-istatistika marbuta mal-immigrazzjoni imma wkoll jagħti r-raġunijiet għal xi jwassal biex persuni jħallu pajjiżhom u jaqsmu lejn il-Mediterran.

Dettalji dwar dan id-dokument ingħataw waqt preżentazzjoni lill-media minn Jon Hoisaeter, ir-rappreżentant f’Malta tal-Kummissjoni Gholja tan-Nazzjonijiet Uniti ghar-Refugjati, u minn Peter Agius, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Fost l-oħrajn, id-dokument isemmi kif pajjiżna rcieva iktar minn 90 miljun ewro bejn l-2007 u l-2013 f’fondi mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuna biex jiffaccja l-problema tal-immigrazzjoni.

Jissemma wkoll kif sa mill-2007, 2,700 persuna tilfu ħajjithom fil-baħar huma u jaqsmu lejn il-Mediterran waqt li fl-2013 biss, iktar minn 45,000 persuna waslu b’mod irregolari fl-Italja, Malta u l-Grecja.

Id-dokument jitkellem ukoll dwar il-pushbacks, x’ínhi d-differenza bejn il-metodi differenti ta’ traffikar tal-umani u s-sistema tal-ażil f’Malta u l-mod kif iċ-ċittadini Maltin iħarsu lejn l-immigranti.

Madankollu d-dokument ma jieqafx hawn u jħares ukoll lejn is-soluzzjonijiet – fost oħrajn jitkellem dwar ir-rilokazzjoni, ir-ripatrijazzjoni u l-integrazzjoni fis-soċjetà.