Aġġornament 2:
[headlines headline=”h3″]Erin Tanti xtaq jikkommetti suwiċidju għat-tieni darba kif ra li ma kienx miet[/headlines]
Kif ra li ma kienx miet, Erin Tanti pprova jsib post ieħor biex jikkommetti suwiċidju għat-tieni darba. Qal li m’għamilx suwiċidju għat-tieni darba għax ma felaħx jimxi, iżda mbagħad ra żewġ persuni u talab għall-għajjut. Hekk irrakkonta Erin Tanti lis-Surġent Konrad Debattista, li kien qed jixhed fil-każ ta’ Tanti.
Is-Surġent Debattista kien fil-post u għamel il-maskra tal-ossiġnu lil Tanti malli nstab u ttella’ mill-irdum. Is-Surġent qal li malli mar ħdejh, talbu ismu u kunjomu u mill-ewwel induna li dan kien il-persuna li kienet ġiet rappurtata nieqsa. Lil Debattista, Tanti qallu wkoll li miegħu kien hemm Lisa Marie Zahra.
Ix-xhud qal li Tanti spjegalu kif fil-11pm tat-18 ta’ Marzu telqu bil-vettura tagħhom lejn Dingli Cliffs, fejn eventwalment instabet ipparkjata l-vettura tiegħu. Stqarr miegħu li kienu belgħu ħafna asperina biex jagħmlu suwiċidju għax xebgħu jgħixu. Fit-3am Lisa Marie kienet deċiża li taqbeż iżda hu ma kienx daqstant ċert. Tanti spjegalu li f’ħin minnhom ra lil Lisa Marie taqbeż. Hu mar fit-tarf, għalaq għajnejh u qabeż warajha. Wara, pprova jqum iżda kien muġugħ u ma setax jimxi.
Lis-Surġent qallu li jaf li dak il-ħin kienu l-4am għax ħares lejn l-arloġġ wara li qabeż. Dam jitkaxar sal-4.30am u għalhekk wasal sa fejn il-blata li nstab fuqha. Debattista qal li din il-verżjoni qalielu b’mod trankwill u qisu qed jgħid storja. Kien jaf id-dettalji bl-eżatt, sostna s-Surġent, li qal li ma kienx hemm biki.
Aġġornament 1: Ftit ġimgħat qabel ma seħħ il-każ f’Ħad-Dingli, Erin Tanti kien qal lill-istudenti tiegħu biex ibiddlu isimhom għal lezzjoni partikolari. Filwaqt li qalilhom li hu se jagħmel l-istess, qal li hu kien għażel l-isem ta’ Cliff Dingli. Dan qalu l-Ispettur Keith Arnaud waqt li kompla jagħti x-xhieda tiegħu. L-Ispettur spjega li meta kien mistoqsi dwar dan mill-Pulizija, Tanti għażel li ma jweġibx bħalma, skont l-Ispettur, ma weġibx għal affarijiet oħrajn.
Ix-xhud qal ukoll li bħala rigal tal-Milied, Tanti kien ta ktieb lil Lisa Marie, li kellu fih numru ta’ poeżiji miktubin minnu dwar kemm hi insinifikanti l-ħajja. Fil-karozza tal-akkużat, kompla jgħid l-Ispettur Arnaud, fin-naħa tal-passiġġier instabu xi flus kontanti u anke żewġ fullscaps mitwija dettaljati dwar suwiċidju. Qal li anke f’Jum San Valentinu l-akkużat kien qal lil Lisa Marie kemm hi nsinfikanti il-ħajja u kemm hi kerha u bla skop.
L-Ispettur Arnaud qal li meta staqsa lill-akkużat għalfejn minflok mar ma’ Lisa Marie Ħad-Dingli, ma ħadhiex għand tabib, it-tweġiba xotta ta’ Tanti kienet li ma ġietux f’moħħu. Qal li fil-kważi 48 siegħa li l-akkużat dam arrestat, hu baqa’ ma tkellem xejn.
Mistoqsi mill-avukat tal-akkużat Michael Sciriha dwar dak li l-vittma kienet tikteb fuq is-social media, l-Ispettur Arnaud qal li kien konxju tal-kitbiet tagħha. L-avukat Joe Giglio, li qed jidher bħala parti ċivili għall-famila tal-vittma, qal li dan mhux kontestat għax ħadd mhu qed jikkontesta li t-tfajla kienet vulnerabbli. Sciriha kompla jistaqsi lill-Ispettur, din id-darba dwar teddybear fil-kamra ta’ Lisa Marie u li allegatament kellu l-blades f’żaqqu. Ix-xhud wieġeb li ma jafx jekk dan it-teddybear inġabarx mill-Pulizija. Hu kkonferma li qalulu xi ħaġa dwaru xi membri tal-familja jew ħabiba tagħha. Tenna wkoll li l-Pulizija kellmet lil xi ħbieb tagħha, kif ukoll mal-PSD Teacher u l-Headmaster.
Aktar kmieni …
[headlines headline=”h3″]Erin Tanti kien bagħat messaġġi lil ommu u lil oħtu biex jgħidilhom li jħobbhom[/headlines]
Erin Tanti kien bagħat messaġġi lil ommu Caroline u anke lil oħtu biex jgħidilhom li jħobbhom. Lil ommu qalilha wkoll li kien qed jibża’ li se jweġġa’ lilu nnifsu. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Sylvana Briffa, waħda mill-investigaturi fil-każ ta’ Erin Tanti, li qed jiġi akkużat bil-qtil volontarju taż-żagħżugħa Lisa Marie Zahra, ta’ 15-il sena.
Erin Tanti, ta’ 23 sena mill-Belt, qed jiġi mixli wkoll li ħeġġiġha biex tikkommetti suwiċidju, li kkommetta atti żienja ma’ tifla taħt l-età u pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha u li abbuża minnha meta bħala edukatur kellu jieħu ħsiebha.
L-Ispettur Briffa qalet li Tanti mar jixtri l-asprina minn spiżerija fil-Belt u li hu u Lisa Marie belgħu 42 aspirina. Madankollu, jirriżulta li dawn ma għamlulhom l-ebda effett. L-Ispettur qalet li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li Lisa Marie kienet iddeċiediet li tneħħi ħajjitha għall-ħabta tat-3am.
Qalet ukoll li meta saret tfittxija fil-kamra ta’ Lisa Marie, instabu xi traċċi ta’ demm fuq xi xugaman. Iżda skont ma l-akkużat qal lill-Pulizija, dan id-demm kien irriżulta minħabba l-fatt li Lisa Marie kienet diġà ppruvat tikkommetti suwiċidu billi taqta’ l-polz ta’ jdejha.
Fil-Qorti rriżulta wkoll li meta missier il-vittma, Tony Zahra, kien infurmat li bintu hi rrappurtata nieqsa, hu kien barra mill-pajjiż fuq xogħol u ġie mill-ewwel lura Malta wara li kien infurmat b’dak li ġara.
Jirriżulta li matul ir-relazzjoni ta’ bejniethom, Lisa Marie kienet iltaqgħet ukoll ma’ omm Erin. L-akkużat kien qal lil ommu li kien qed joħroġ ma’ studenta tiegħu taħt l-età, għalkemm kien qalilha li għandha 17-il sena u mhux 15.
Sadanittant, fil-bidu tas-seduta, fil-Qorti l-Ispettur Keith Arnaud appella lill-ġurnalisti joqgħodu attenti mill-mod kif jirrappurtaw dan il-każ minħabba d-delikatezza tal-każ. L-Ispettur Arnaud qal li f’dan il-każ qed nitkellmu dwar vittma ta’ 15-il sena. Filwaqt li qal li mhux qed jitlob biex il-ġurnalisti ma jirrappurtaw xejn, l-Ispettur appella biex ikun hemm aktar attenzjoni. Hu għamel referenza wkoll għal xi ineżattezzi li ħarġu s’issa fir-rapurtaġġ ta’ sezzjoni mill-media.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Michael Scirha, li qed jidher għall-akkużat, qabel ma’ dan u saħansitra qal li kien hemm ġurnal li ma riedx isemmi liema hu li ma kienx fidil fir-rapurtaġġ tiegħu.
[headlines headline=”h3″]Appell mill-IĠM għall-prudenza fir-rappurtaġġ[/headlines]Fi stqarrija, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ġibed l-attenzjoni tal-ġurnalisti kollha u dawk li b’xi mod qed jirrappurtaw u jispekulaw fuq il-każ, għar-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà u l-professjoni meta jirrappurtaw fuq suwiċidji.
L-IĠM appella biex f’każi bħal dawn tintuża’ l-prudenza għax irrispettivament mil-libertà tal-kelma, wieħed irid jagħti każ tal-implikazzjonijiet ta’ dak li qed jiġi ppubblikat u mxandar, u kemm jistgħu jiġu effetwati nies vulnerabbli li jistgħu jkunu suxxettibli li jikkupjaw dawn l-azzjonijiet permezz tal-informazzjoni li tiġi komunikata.
L-IĠM ikkwota studji li juru li meta l-mezzi tal-media jirrapportaw suwiċidji, ħafna żgħażagħ u adulti jikkupjawhom. L-Istitut qal li l-istandard etiku ta’ rappurtaġġ ta’ suwiċidji jibqa’ l-istess u fakkar li hemm arranġament mhux miktub li ilu fis-seħħ u li l-media f’Malta dejjem segwit, jiġifieri li suwiċidji ma jkunux rappurtati.
//= $special ?>

