Illum, l-istudenti tal-Università, tal-Junior College u anke dawk li jattendu ċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex qed jintalbu jivvutaw biex jeleġġu l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU). Il-votazzjoni fetħet għall-ħabta tat-8am fl-istituzzjonijiet kollha. Filwaqt li fl-Università, l-votazzjoni tagħlaq fit-8pm, fil-każ tal-Junior College għalqet fil-5.15pm.
Fil-każ tal-Kampus ta’ Għawdex, il-votazzjoni tagħlaq fis-1pm biex il-voti jistgħu jitwasslu fl-Università ta’ Malta għall-proċess tal-għadd. Hekk kif il-kaxxi kollha jaslu fl-Università, il-Kummissjoni Elettorali maħtura mill-KSU tibda l-għadd tal-voti, għall-ħabta tad-9pm. Għall-elezzjoni kkontestaw 11-il kandidat għaż-żewġ organizzazzjonijiet differenti, l-għaqda studenteska SDM u l-għaqda Pulse.
[headlines headline=”h5″]Il-Pulse tibgħat numru ta’ SMSs lil persuni li ilhom li waqfu mill-istudji tagħhom, fosthom persuna li qatt ma studjat f’dawn l-istituzzjonijiet[/headlines]Sadanittant, numru kbir ta’ persuni għamlu kuntatt ma’ MaltaRightNow.com wara li rċevew SMS mill-għaqda Pulse biex imorru jivvutaw. L-SMS, mibgħut tard filgħaxija lejliet l-elezzjoni, intbaghat saħansitra lil persuni li ilhom li spiċċaw l-istudji tagħhom numru ta’ snin mhux ħażin. Dawn il-persuni esprimew ir-rabja u t-tħassib tagħhom għall-mod kif tal-Pulse għad għandhom id-dettalji tagħhom, fosthom in-numru tal-mobile, minkejja li ilhom li waqfu mill-istudji.
Persuna minn dawk li tkellmu magħna saħansitra qalet li rċeviet l-SMS bi propaganda biex tivvota lill-Pulse, minkejja li din qatt ma attendiet xi kors f’waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.
//= $special ?>
