Lokali Saħħa

Għall-ewwel darba f’ħames snin, il-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-katarretti fl-MDH qed jiżdiedu

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf il-politika adottata mill-Gvern Nazzjonalista li jinvolvi l-isptarijiet privati qed twassal biex għall-ewwel darba f’ħames snin il-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei qed jiżdiedu. Dan irriżulta waqt laqgħa li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-PN Roberta Metsola u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja kellhom ma’ rappreżentanti ta’ tliet sptarijiet privati f’Malta: St James, St Anne’s Clinic u Da Vinci.

Claudio Grech tkellem dwar il-mod kif il-PN beda proċess biex jaġġorna l-politika tiegħu fis-Saħħa u għalhekk qed jiltaqa’ mal-operaturi kollha fis-settur. Hu spjega kif il-PN jemmen li s-settur privat m’għandux ikun f’kompetizzjoni mal-Gvern fis-servizzi offruti, anzi għandu jipprovdi servizzi li jikkumplimentaw lil dawk tal-Gvern. Jirriżulta li minkejja li l-impressjoni hi li s-Saħħa hi kollha b’xejn, fil-fatt terz tal-ispiża hi mħallsa mill-pubbliku.

Is-settur privat tas-Saħħa, sostna Claudio Grech, m’għandux jintuża’ biss biex isodd it-toqob jew meta jkun meħtieġ, iżda għandu jkun integrat f’politika u strateġija tas-Saħħa. Filwaqt li semma’ l-politika li kien beda jadotta l-Gvern Nazzjonalista bjen l-2011 u l-2013 biex ċertu servizzi jingħataw mill-privat, Claudio Grech qal li jirriżulta li kienu saru 3,200 operazzjoni fi sptarijiet privati bil-ftehim milħuq mill-Gvern Nazzjonalista. Dan kien wassal biex tnaqqsu sew il-piżijiet fuq l-Isptar Mater Dei. Grech qal li l-PN ma jemminx f’diviżjoni politika fis-settur tas-Saħħa.

L-MEP Roberta Metsola qalet li fl-Unjoni Ewropea s-settur tas-Saħħa se jibda jkun trattat b’mod aktar integrat, għalkemm l-UE m’għandhiex il-kompetenza fuqu. Din il-politika għandha twassal biex l-Istati Membri jiksbu aktar appoġġ għall-istrateġiji tagħhom fis-settur tas-Saħħa u se tagħti aktar spazju għal proġetti li fihom ikun involut u parteċipi s-settur privat.

Il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja tkellem dwar l-importanza tas-sostenibbiltà tas-settur tas-Saħħa u qal li s-sħubija bejn il-Gvern u l-privat għandha tkun ibbażata fuq perjodu fit-tul, biex b’hekk il-viżjoni tkun tista’ titwettaq.