Illum jibdew il-provi liberi tat-tieni Grand Prix tal-istaġun li se jsir f’Austin fl-Istati Uniti u ċ-champion tal-Honda Marc Marquez se jkun qed ifittex it-tieni rebħa tal-istaġun u t-tieni waħda konsekuttiva f’dan iċ-ċirkwit. Staġun ilu Marquez kien rebaħ dan il-Grand Prix meta kien għeleb l-isfida ta’ Jorge Lorenzo. Fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun li sar fit-23 ta’ Marzu fil-Qatar Marquez għeleb l-isfida tat-Taljan Valentino Rossi, anke jekk kien għadu kemm irkupra minn ksur f’siequ. B’hekk, minn Marzu ‘l hawn wieħed jistenna lil Marquez f’forma aqwa minn dik li kien fiha meta kien għadu ġej minn injury.
F’kummenti li ta Marquez qal li ċ-ċirkwit ta’ Texas hu wieħed mill-favoriti tiegħu, ċirkwit li ironikament fih kien kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-MotoGP. Marquez qal li jinsab f’kundizzjoni fiżika aħjar li qed tippermettilu jdur aħjar bil-mutur.
Intant, sieħeb Marquez, Dani Pedrosa se jkun qed jittama li jibni fuq ir-riżultat li kiseb fl-ewwel Grand Prix fejn spiċċa fit-tielet post. Matul l-istaġun li għadda Pedrosa kellu wirja tajba ħafna fl-Istati Uniti tant li għal 12-il dawra kien qed jokkupa l-ewwel post.
//= $special ?>
