Lokali

Ix-xufier ta’ Charles Buhagiar jaggredixxi żewġ wardens

Ix-xufier tal-Konsulent tal-Prim Ministru, id-Deputat Laburista Charles Buhagiar, aktar kmieni din il-ġimgħa aggredixxa żewġ gwardjani lokali wara li qala’ kontravenzjoni għax kien ipparkjat ħażin bil-karozza uffiċjali tad-Deputat Laburista fil-Belt.

maltarightnow.com jista’ jiżvela li l-każ seħħ nhar it-Tlieta għall-ħabta tal-11.30am meta x-xufier kien bil-vettura uffiċjali tal-eks-Ministru Charles Buhagiar, karozza tat-tip BMW. Buhagiar, minbarra li hu deputat tal-Gvern, illum hu konsulent fl-Uffiċċju tal-Prin Ministru Muscat dwar il-proġetti kapitali.

Ix-xufier tiegħu qala’ l-kontravenzjoni minħabba li kien ipparkjat ħażin, fuq double yellow line, fi Triq San Mark, quddiem il-Fortress Buildings. Mhux magħruf ix-xufier kienx qed jistenna lid-Deputat Laburista Charles Buhagiar, għalkemm il-preżenza tal-karozza tiegħu pparkjata ħażin tindika li dan kien għal xi laqgħa fil-viċinanzi.

L-informazzjoni li għandna tgħid li ftit wara li ħarġet il-kontravenzjoni, ix-xufier wasal fuq il-post u nduna li l-karozza li fiha kien hemm iż-żewġ gwardjani lokali kienet għadha fil-qrib. Hu resaq lejn il-karozza tal-wardens u qabad jirrabja, jgħajjat u jhedded lill-uffiċjali – raġel u mara.

Jirriżulta li s-sitwazzjoni tant eskalat li f’ħin minnhom ix-xufier tal-konsulent tal-Prim Ministru daħħal idu fil-vettura tal-gwardjani u waħda mill-gwardjani wissietu biex ma jkomplix iħebb għaliha. Kien hawn li x-xufier infexx jagħti bis-sieq fil-karozza u bil-ponn fuq is-saqaf tal-istess vettura tal-uffiċjali tat-traffiku.

Sorsi qaluna li f’dan il-mument, fost l-oħrajn, ix-xufier, b’ton partikolari, indirizza lill-gwardjani u qalilhom “Ma tafux min jien? Ma tafux li jien ix-xufier tal-konsulent tal-Prim Ministru?”

Minbarra li Muscat ħatru konsulent tiegħu, id-Deputat Laburista Charles Buhagiar inħatar ukoll Chairman u Kap Eżekuttiv tal-BICC – il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini. Dan minbarra li jirrappreżenta wkoll lin-naħa tal-Gvern Laburista fuq il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi Finanzjarji.

Charles Buhagiar ilu jiġi elett fil-Parlament Malti sa mill-1987 u fl-1996 okkupa l-kariga ta’ Ministru tax-Xogħlijiet Pubblici u l-Kostruzzjoni fil-Gvern Laburista ta’ Sant.

Dwar dan il-każ tax-xufier tiegħu, sar rapport mż-żewġ gwardjani lokali fl-għassa tal-pulizija tal-Belt u għalhekk il-Korp tal-Pulizija huwa infurmat b’dak li ġara.

Madankollu mhux magħruf jekk dan ix-xufier hux se jitressaq b’arrest il-Qorti jew inkella quddiem seduta tad-distrett għaliex dwar dan l-inċident ma ħarġet l-ebda stqarrija ufficjali mill-pulizija.

maltarightnow.com għandu d-dettalji kemm tal-kontravenzjoni, kif ukoll taż-żewġ gwardjani li kellu xi jgħid magħhom ix-xufier ta’ Charles Buhagiar, kif ukoll tal-karozza involuta.

Dan hu r-raba’ każ fi spazju ta’ ġimgħatejn fejn seħħew inċidenti li għandhom fattur komuni – jinvolvu lill-Gvern jew lill-pulizija, imma nżammew moħbija u li kellha tkun il-media tal-Partit Nazzjonalista li tiżvelahom.

Qabel dan ta’ Charles Buhagiar, kien hemm il-każ tal-hit and run u s-sakra taż-żewġ pulizija Għawdxin fix-Xewkija fil-lejl ta’ Jum il-Ħelsien, il-każ tal-inċident tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li tajjar ġuvni li kellu jiġi operat u ma nħarġet l-ebda stqarrija ħlief ħamest ijiem wara u l-każ tat-tifla ta’ tmien snin li spiċċat fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Mosta, li fl-istqarrija tal-pulizija ma ntqalx li l-karozza involuta fih kienet tal-pulizija.