Il-Ġimgħa f’12pm fil-belt ta’ Nyon fl-Iżvizzera se jittellgħu l-poloz tas-semi finali kemm taċ-Champions League kif ukoll tal-Europa League. Itellgħu dawn il-poloz se jkun hemm Gianni Infantino, Segteraju Ġenerali tal-UEFA, Luis Figo ambaxxatur tal-finali taċ-Champions League fil-grawnd ta’ Benfica f’Lisbona u Ciro Ferrara, ambaxxatur tal-finali tal-Europa League fil-grawnd ta’ Juventus f’Turin.
Fis-semi finali timijiet mill-istess pajjiż ikunu jistgħu jilagħbu kontra xulxin. L-ewwel leg tas-semi finali taċ-Champions League jintlagħbu fit-22 u fit-23 ta’ April filwaqt li t-tieni legs jintlagħbu fid-29 u fit-30 ta’ April. Il-finali tintlagħab is-Sibt 24 ta’ Mejju.
L-ewwel legs tas-semi finali tal-Europa League se jintlagħbu l-Ħamis 24 ta’ April bit-tieni legs skedati fit-2 ta’ Mejju. Il-finali ssir l-Erbgħa 14 ta’ Mejju.
Għas-semi finali taċ-Champions League ikkwalifikaw il-holders Bayern Munich, Chelsea u t-tnejn Spanjoli Atletico Madrid u Real Madrid. Filwaqt li s-semi finali hi fażi familjari ma’ Bayern, Chelsea u Real, Atletico se jkunu qed jilagħbu għall-ewwel darba f’din il-fażi sa mil-istaġun 1973-74. Dak l-istaġun Atletico kienu eliminaw lil Celtic biex umbagħad tilfu l-uniku replay ta’ finali fl-istorja, kontra Bayern Munich. Għal Atletico din hi r-raba’ darba fl-istorja tagħhom li se jkunu qed jikkompetu fis-semi finali filwaqt li Real Madrid se jkunu qed jilagħbu għal 25 darba fis-semi finali. L-għan tal-Merengues, li huma l-aktar tim li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni hi li dan l-istaġun jirbħu l-10 Champions League fl-istorja glorjuża tagħhom.
Din hi r-raba’ sena konsekuttiva li Real Madrid se jkunu qed jilagħbu fis-semi finali imma minkejja dan, ilhom sa mil-2002 ma jagħmluha sal-finali. Fl-2011 ġew eliminati minn Barcelona, fl-2012 ġew eliminati kontra Bayern Munich u staġun ilu ġew eliminati minn Borussia Dortmund, it-tim li ironikament din is-sena eliminaw biex waslu sas-semi finali.
Chelsea, li huma l-uniku tim Ingliż li fadal fil-kompetizzjoni wettqu rimonta u eliminaw lil PSG biex b’hekk għaddew għas-seba’ darba f’dawn l-aħar 11-il sena għas-semi finali taċ-Champions League. Minkejja dan, il-Blues rebħu din il-kompetizzjoni biss darba, fl-2012 kontra Bayern Munich fil-Bavarja stess. Minn naħa tagħhom Bayern Munich, f’dawn l-aħħar ħames snin lagħbu erba’ darbiet fis-semi finali ta’ din il-kompetizzjoni u qed jippruvaw isiru l-ewwel tim li qatt rebaħ iċ-Champions League darbtejn wara xulxin.
Fis-semi finali jaf ikun hemm konfronti interessanti. Jose Mourinho, manager ta’ Chelsea jistaġ jaffronta lil-eks tim tiegħu Real Madrid, tim li ħalla fi tmiem l-istaġun li għadda. Barra minn hekk, il-kowċ Portugiż jista’ wkol jiltaqa` kontra Bayern Munich, it-tim li kontrih fl-2010, meta kien għadu ma’ Inter, rebaħ il-finali f’Madrid. Jekk Chelsea jiltaqgħu kontra Bayern Munich dawn tal-aħħar, bla dubju jridu jpattu għat-telfa li sofrew fil-finali tal-2012 kontrihom u fl-istess ħin jirrepetu s-suċċess li kellhom f’Awwissu li għadda meta rebħulhom fil-finali tal-UEFA Super Cup.
Barra minn hekk, jekk Real Madrid u Atletico Madrid ma jiltaqgħux kontra xulxin fis-semi finali jista’ jagħti l-każ li fil-finali jilagħbu żewġ timijiet Spanjoli kontra xulxin. Jekk jiġri hekk, din tkun il-ħames darba fl-istorja taċ-Champions League li l-finali tkun ikkontestata bejn żewġ klabbs mill-istess pajjiż u t-tieni waħda konsekuttiva wara li staġun ilu, fil-finali Bayern kienu għelbu lil Borussia Dortmund.
//= $special ?>
