Editorjal

Editorjal: Il-morsa tal-qgħad u taċ-cheap labour

Il-gvern ta’ Muscat ma jridx jitkellem fuq il-qgħad u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed insiru nafu għaliex; għax fil-kejl ewlieni ta’ kif ikun sejjer gvern, l-ewwel sena tal-gvern ta’ Joseph Muscat kellha riżultat ħażin biċ-ċar.

Żieda ta’ 500 ruħ jirreġistraw kemm ilu Muscat
Mintoff kien li ddeskriva sewwa x’inhu l-qgħad: il-ħġieġa tad-deni tal-pajjiż. U għadu kemm kellna r-riżultat tal-ewwel sena eżatta ta’ kemm ilu Prim Ministru Muscat. Mill-aħħar ta’ Frar ta’ sena ilu sal-aħħar ta’ Frar li għadda – l-eqreb dati għall-ewwel sena tal-gvern – il-qgħad żdied b’500, u qegħdin qrib sewwa tat-8,000 jirreġistraw.

Il-qgħad jiżdied kontra x-xejra madwarna…
L-inkwiet bil-qgħad jiżdied meta nafu li fil-bqija tal-pajjiżi ta’ madwarna, il-qgħad jonqos kien, mhux jiżdied bħal f’Malta. Mela ż-żieda fil-qgħad ma nistgħux insibulha raġuni barra minn Malta imma r-raġuni hawn qiegħda, magħna: gvern bla pjan u li mnalla sab l-ekonomija miexja u l-policies tajbin li ħallielu l-gvern ta’ qabel.

…u minkejja żieda ta’ elf ruħ mal-gvern
U l-qgħad żdied waqt li l-gvern ta’ Muscat kien qed iżid aktar minn elf ruħ mal-gvern – ħafna minnhom bla sejħa pubblika. U minkejja li kien qed iżid elf ruħ mal-gvern, il-qgħad xorta kien qed jiżdied b’500.

Qasam ewlieni f’idejn iċ-Ċiniżi…
Mal-inkwiet miżjud fuq il-qgħad jiżdied, issa qed jiżdied ukoll inkwiet ieħor fuq il-pagi. Dan joħroġ mill-bejgħ tal-ġenerazzjoni kollha tal-enerġija f’Malta. Il-gvern ta’ Muscat, li tant kien beżża’ bil-privatizzazzjoni, biegħ il-power station tal-BWSC liċ-Ċiniżi u se jixtri l-elettriku minn power station privata.

…li qed igergru li l-pagi f’Malta għoljin wisq
Jiġifieri l-EneMalta – li parti minnha wkoll se tkun taċ-Ċiniżi – se jibqagħlha f’idejha biss il-grid, il-cables tal-elettriku. Iċ-Ċiniżi issa qed igergru li l-pagi f’Malta għoljin u lill-ħaddiema tawhom offerta li fil-fatt tnawwar id-drittijiet tagħhom waqt li l-General Workers’ Union tibqa’ tiddefendi lil Muscat li kien għamlilhom wegħda li kisirha għal darba darbtejn: li l-EneMalta ma jipprivatizzahiex, u li l-pagi ma jnaqqashomlhomx.

Tal-qalba jisplodu fil-perkaċċi u l-pagi…
Għalhekk, mal-għafsa min-naħa l-waħda tal-qgħad jiżdied kontra x-xejra Ewropea u minkejja elf ruħ iżjed mal-gvern, għandna l-għafsa min-naħa l-oħra tal-pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi. Il-pagi u l-perkaċċi għal tal-qalba f’Kastilja u fil-ministeri, dawk splodew, imma għall-bqija, jidher ċar l-ispettru taċ-cheap labour.

…imma l-ħaddiem ġenwin f’morsa ta’ qgħad u cheap labour
Din hi l-morsa li l-gvern qed idaħħal lill-ħaddiem ġenwin fiha: naħa waħda tal-morsa hi l-qgħad jiżdied, li diġà jnaqqas lill-ħaddiem l-ispazju fejn jista’ jiġġebbed fuq il-paga, u n-naħa l-oħra tal-morsa hi l-barka tal-gvern stess għat-tnaqqis fil-pagi li ċerti impjegaturi fil-privat lgħabhom nieżel biex jikkupjaw.