Lokali Unjoni Ewropea

33 nomina għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

B’kollox, fit-tlett ijiem daħlu 33 nomina għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fl-24 ta’ Mejju biex Malta teleġġi sitt MEPs.

Dawn jirrappreżentaw seba’ partiti jew gruppi, inkluż dawk ta’ partit ġdid ewro-xettiku li twaqqaf apposta għal din l-elezzjoni – imsejjaħ Alleanza Bidla.

Minbarra f’dan, il-partiti li se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew huma l-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista, l-Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Liberali, u l-Partit tal-Ajkla.

F’isem il-PN tefgħu n-nomina tagħhom 11-il kandidat – Ray Bugeja, David Casa, Therese Comodini Cachia, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Stefano Mallia, Roberta Metsola, Kevin Plumpton, Jonathan Shaw, Norman Vella u Francis Zammit Dimech.

Għall-Partit Laburista tefgħu n-nomina tagħhom 13-il kandidat – Lino Bianco, Clint Camilleri, Peter Cordina, Joseph Cuschieri, Miriam Dalli, Cyrus Engerer, Mario Farrugia Borg, Charlon Gouder, Ivan Grixti, Marlene Mizzi, Alfred Sant, Deborah Schembri u Fleur Vella.

F’isem l-Alternattiva Demokratika daħlu n-nomini ta’ Arnold Cassola u Carmel Cacopardo.

F’isem il-partit ġdid Alleanza Bidla, li għandu l-appoġġ tal-Front Maltin Inqumu ta’ Karmenu Mifsud Bonnici tefgħu n-nomina tagħhom Anthony Calleja u Ivan Grech Mintoff, li jiġi n-neputi tal-Perit Dom Mintoff.

Għall-Imperium Europa ta’ Norman Lowell tefgħu n-nomina l-istess Lowell, flimkien ma’ Arlette Baldacchino u Antoine Galea.

Nazzareno Bonnici se jikkontesta f’isem il-Partit tal-Ajkla, waqt li daħlet ukoll in-nomina ta’ Jean-Pierre Sammut f’isem l-Alleanza Liberali.

Tul l-istess tlett ijiem, kemm f’Evans Building u anke f’Għawdex, fl-uffiċċju tal-Karta tal-Identità l-Kummissjoni Elettorali laqgħet ukoll in-nomini tal-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi – elezzjonijiet li wkoll se jsiru x-xahar id-dieħel f’sittax-il hamlet madwar Malta u Għawdex. Waqt li sa nhar il-Ħadd il-Kummissjoni qed tilqa’ wkoll in-nomini ta’ kandidati interessati li jikkontestaw għas-siġġu parlamentari vakat minn Marie Louise Coleiro Preca fuq is-sitt distrett elettorali, wara li din irriżenjat mill-Parlament biex tinħatar President ġdid ta’ Malta.

F’dan il-każ trid issir elezzjoni każwali u l-uniku nomina li daħlet s’issa hi dik ta’ Charles Mangion.

Sadanittant, matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu l-mezzi tax-xandir kienu mistiedna fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar biex isegwu l-proċess tas-siġillar tad-dokumenti tal-votazzjoni li se jintużaw f’dawn l-elezzjonijiet. Uffiċjali tal-Kummissjoni spjegaw li wara li jiġu stampati u ssiġillati, id-dokumenti tal-vot jiġu ċċekkjati. Imbagħad jiġu organizzati biex il-Ġimgħa ssir laqgħa għall-uffiċjali tal-Pulizija fuq it-tqassim tal-voti. Is-Sibt imbagħad id-dokumenti tal-votazzjoni se jgħaddu għand il-Pulizija u jibdew jitqassmu fil-perjodu bejn it-tnax t’April u t-tnejn ta’ Mejju, inkluż il-Ħdud u bl-eċċezzjoni tal-festi fil-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid.