Knisja Kultura

Imnedija vara oriġinali tar-Redentur fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt

Vara oriġinali tar-Redentur, mill-iskultur Indri Attard, ġiet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Knisja tal-Patrijiet Agostinjani, il-Belt. Din l-istatwa ngħatat lil din il-komunità biex titgawda mill-parruċċani u mill-pubbliku ġenerali. Indri Attard, skultur żagħżugh ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ, fisser li x-xogħol fuq din l-istatwa beda f’Jannar 2012 wara li kien għamel abbozz żgħir tagħha f’Diċembru 2011.

Il-vara turi lil Ġesù Kristu mwaqqa’ u li jidher qed jagħti spinta biex jerġa’ jqum fuq saqajh. L-iskultur ried joħroġ il-messaġġ li meta aħna l-bnedmin nindmu, għandna nagħmlu sforz biex inqumu fuq saqajna għal ħajja aħjar. L-istatwa tiżen madwar 150kg u hi magħmula mill-kartapesta. L-iskultur ta importanza kbira lill-anatomija tal-korp biex ingħata dettal lill-muskulatura tal-figura ta’ Kristu. Meta kien ċert mill-finezzi neċessarji, Indri Attard żied il-piegi u l-ħwejjeġ.

Fil-proċess, l-iskultur ried juri t-tbatija ta’ Kristu, bl-id il-leminija u s-sieq tax-xellug tal-iskultura juru l-isforz ta’ Kristu biex iqum mill-waqgħa. Dettal interessanti ieħor, li jqarreb lejn ir-realtà tat-tbatija li ġarrab Kristu, hu saqajn il-Messija li jidhru maħmuġin, b’difer imkisser u bi żrara mdaħħla fil-pala tas-sieq tax-xellug. Għall-kuntrarju ta’ statwi oħrajn, Kristu ma jidhirx mgħobbi b’salib, iżda b’zokk imfellel magħmul mill-injam u mill-kartapesta.

F’kumment lil MaltaRightNow.com, Indri Attard qal li qed jittama li din l-istatwa tagħmel differenza fil-ħajja tal-individwu. Hu spjega li dan ir-Redentur ma ġiex ikkummissjonat iżda għamlu għax xtaq joħloq xi ħaġa artistika u differenti mis-soltu.

Min-naħa tiegħu, il-Kappillan tal-Knisja tal-Agostinjani Patri Deo Debono faħħar l-istatwa għax Kristu jidher espressiv ħafna u qrib sew tad-deskrizzjoni fl-Iskrittura Mqaddsa, b’libsa bla ħjata u mtertqa. Patri Deo Debono żied li fil-fatt din l-istatwa diġà għamlet effett fuq in-nies b’numru sabiħ ta’ persuni li ħadulha ritratt, qegħduh fuq Facebook jew stampawh u għamluh f’inkwadru.