Kienet inawgurata uffiċjalment il-kumpanija ġdida taż-żfin Moveo – kumpanija ta’ żfin kontemporanju mmexxija miż-żeffien Malti Dorian Mallia li kiseb taħriġ professjonali fiż-żfin fir-Renju Unit. Il-kumpanija issa għandha iktar minn ħames snin esperjenza fix-xena taż-żfin kontemporanju kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Matul il-lejla tal-inawgurazzjoni Moveo nidiet l-ewwel proġett ta’ film onlajn ibbażat fuq iż-żfin bit-tema ta’ Lost Souls. Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn artisti kreattivi emerġenti.
Fl-istess lejla il-fotografu Andrew Rizzo esebixxa ġabra ta’ ritratti li kienu għall-bejgħ bil-qligħ kollu jmur għal assoċjazzjoni Opening Doors li toħloq opportunitajiet biex persuni b’diżabilità jipparteċipaw b’mod attiv f’attivitajiet artistiċi.
Sadanittant id-direttur tal-kumpanija Moveo, li huwa wkoll Assistant Lecturer fl-Università ta’ Malta fid-Dance Studies, qal li l-kumpanija bħallissa qed taħdem fuq produzzjoni oħra – adatazzjoni biż-żfin ta’ The Picture of Dorian Gray miktub minn Oscar Wilde. Din ir-rappreżentazzjoni se tittella’ fit-Teatru Manoel nhar it-3 u l-4 ta’ Mejju.
//= $special ?>