Knisja

Jitnieda il-ktieb L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Fis-sala tal-Iskola St. Dorothy’s f’Ħaż-Żebbuġ ġie mniedi l-ktieb l-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II, b’kitba tal-Vatikanista Malti, Frank Zammit. Għat-tnedija attendew studenti mill-primarja u sekondarja minn skejjel tal-Knisja li segwew programm li kellu messaġġ pożittiv dwar il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

L-awtur tal-ktieb Frank Zammit spjega li beda jieħu interess f’dan il-qasam wara esperjenza ta’ abbati fil-Vatikan, 37 sena ilu. Hu enfasizza li l-Papa Ġwanni Pawlu II ħafer lil min sparalu u dan kien eżempju ċar ta’ imħabba u maħfra. Tul il-preżentazzjoni tal-ktieb, hu qara waħda mill-istejjer tal-ktieb bit-titlu Il-Papa Sportiv u Vjaġġatur li minnha joħroġ il-karattru sportiv kif ukoll l-missjoni tal-Papa Pollakk li jivvjaġġa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja fejn daħal fil-qlub ta’ ħafna żgħażagħ.

Rita Saliba li addattat l-istejjer biex ikunu attraenti anke għat-tfal qrat l-storja mill-ktieb bit-titlu Viva l-Papa li tirrakonta l-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II, f’Malta fl-1990, mil-lenti ta’ persuna li dak iż-żmien kien tifel u kien ġie wiċċ imb’wiċċ mal-Papa.

Saret ukoll intervista qasira mill-preżentatrici, Elaine Saliba, lill-Arċisqof ta’ Malta, Pawlu Cremona li fakkar li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar se ssir il-kanoniżazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Ġwanni XXIII.

L-isqof qal li biex wieħed isir qaddis irid kontinwament jiftakar li għandu jħobb lil Ġesu’ u lil għajru. L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-mument meta ġie infurmat li se jinħatar Arċisqof u dwar il-ġurnata tipika tiegħu.

Waqt it-tnedija, l-artist David Schembri li għamel it-tpinġija għal kull storja tal-ktieb kien qed jagħmel ukoll tpinġija fuq il-palk. L-istudenti segwew ukoll lil-kantant Gianluca Bezzina li kellu messaġġ għalihom dwar kif it-talenti jistgħu jintużaw b’mod pożittiv.

L-Istorja tal-Papa Gwanni Pawlu it-Tieni ġie ppublikat minn Kite Group.