Internazzjonali

Karozza-bomba tisplodi barra bank f’Ateni

Karozza pakkjata bl-isplussivi u li tħalliet ipparkjata quddiem il-Bank tal-Greċja, f’Ateni, splodiet fis-sigħat bikrin tal-Ħamis, iżda ma rriżultawx vittmi.

Ħadd ma assuma responsabbiltà għal dak li ġara, iżda l-qawwiet tas-sigurtà jemmnu li l-azzjoni kellha l-karatteristiċi kollha ta’ xi grupp ta’ anarkisti jew tal-estremisti Xellugin.
Intant, ma naqasx is-sinifikat tal-azzjoni meta l-Greċja qed tħejji biex tbigħ il-bonds fis-swieq internazzjonali wara nuqqas ta’ erba’ snin. Dan il-pass qed jintlaqa’ tajjeb mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Il-Pulizija lbieraħ qalet li l-vettura, tat-tip Nissan, kienet misruqa minn xi ħadd li poġġielha l-isplussivi li kellhom jieħdu f’ħin intenzjonat. Fil-fatt, il-websajts tal-aħbarijiet fuq l-internet sostnew li sorsi bħall-gazzetta Efymerida ton Syndakton, kienu infurmati ‘bil-pjan’ mingħand xi ħadd li ċemplilhom, proprju siegħa qabel l-isplużjoni.

Illum, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, għandha żżur il-Greċja għal negozjati twal mal-Prim Ministru Grieg, Antonis Samaras. Il-Ġermanja, sentejn ilu kienet strumentali biex taċċerta li l-Greċja ma toħroġx miz-zona ewro fl-eqqel tal-kriżi tad-djun, u waqt li l-istqarrijiet uffiċjali jsostu li ż-żjara ta’ Merkel hi waħda ‘normali’, l-awtoritajiet Griegi qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha fejn tidħol is-sigurtà.

Sadanittant, l-attakki bil-bombi u l-ħruq tal-proprjetà saru komuni fil-Greċja mindu l-pajjiż, erba’ snin ilu, implimenta miżuri ta’ awsterità bi skambju għall-bailouts ekwivalenti għal biljuni ta’ ewro mingħand l-Unjoni Ewropea u l-IMF.

Dan meta d-dimostranti Griegi, nhar l-Erbgħa, wettqu l-ewwel strajk nazzjonali tas-sena kontra l-awsterità u pparalizzaw is-servizzi kruċjali madwar pajjiżhom. L-organizzaturi tal-azzjoni qalu li l-messaġġ kontra l-awsterità kien immirat għall-Ġermanja li qed iżżid il-pressjoni għal aktar qtugħ mingħand il-Gvern f’Ateni bi skambju għal self ta’ flus li jsostni l-ekonomija tal-Greċja.