Il-Federazzjoni tal-Kaccaturi u n-Nassaba qed topponi bil-qawwi li fil-pajjiż isiru referenda dwar kwistjonijiet li jolqtu minoranzi, fosthom l-unjoni ċivili u l-kacca fir-rebbiegħa.
Il-pożizzjoni tal-Federazzjoni kienet espressa f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President Joe Perici Calsgione li qal li l-ebda deputat m’għandu jivvota fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Skont il-Federazzjoni, dawn ir-referenda se jkunu qed jieħdu l-poter mingħand il-parlament u qed jimminaw id-demokrazija.
Għall-Federazzjoni, ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa hu rikatt u appellaw lill-Parlament biex jinjoraw l-eluf ta’ firem li nġabru biex isir referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Filwaqt li l-uffiċjali tal-Federazzjoni esprimew fiduċja totali li huma se jirbħu r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, il-Federazzjoni qed issostni li f’dan il-proċess se jsir abbuż mid-demokrazija għaliex din hi kwistjoni ta’ minoranza u mhux nazzjonali.
Perici Calasgione espriema d-diżappunt tal-kaċċaturi li l-Kummissarju tal-Pulizija se jibda juża drone biex jikkontrolla l-kaċċaturi. Il-Federazzjoni appellat ukoll lill-kaċċaturi biex ma jabbużawx fil-ġranet tal-istaġun miftuħ għaliex dan jista’ jwassal biex jinqata’ l-insib u jintilfu iktar konċessjonijiet li għandhom il-kaċċaturi.
Il-President tal-Federazzjoni kkritika l-multi ta’ 5,000 ewro, ir-revoka tal-liċenzja u l-possibbiltà ta’ sena priġunerija lil min jinqabad jabbuża l-ewwel darba iżda qal li min hu kaċċatur serju m’għandux għaliex jibża’ minn dawn il-pieni.
Għall-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u n-Nassaba, ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa hu att miskin ta’ persuna li qatt ma wasal imkien fil-karriera tiegħu.
Bħala l-ewwel azzjoni dwar il-firem miġbura biex isir referendum, il-Federazzjoni diġa’ għamlet protest ġudizzjarju biex il-firem ikunu verifikati. Min-naha tagħhom, il-kaċċaturi wkoll qed jiġbru petizzjoni li se tibqa’ tinġabar sal-21 ta’ April.
L-uffiċjali tal-Federazzjoni tal-Kaacaturi enfażizzaw l-importanza tal-kredibbiltà u appellaw lill-kaċċaturi biex ma jtellfux il-kredibbiltà tal-kaċċaturi u biex jifhmu li s-sitwazzjoni llum mhix kif kienet fil-passat.
//= $special ?>

