Il-Union tal-Għalliema (MUT) ħabbret li qed tagħti direttiva lill-membri tagħha biex ma jimlewx formola li ngħataw mill-awtoritajiet u li titlob fost oħrajn id-dettalji tal-Karta tal-Identità, il-grad li fih jgħallmu u s-snin ta’ esperjenza. Dan qalu l-President tal-MUT Kevin Bonello f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjega li l-MUT qed tagħti din id-direttiva minħabba li l-Gvern diġà għandu din l-informazzjoni.
Bonello ħabbar dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ MaltaRightNow.com dwar il-pożizzjoni tal-MUT fuq l-Avviż Legali li jagħti l-poter lill-Ministru tal-Edukazzjoni jikseb informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti mill-iskola primarja sa meta jħallu l-istituzzjonijiet terzjarji. Dwar dan l-Avviż Legali, l-MUT enfasizzat aktar minn darba li ma ġietx konsultata u għaldaqstant ma tistax tikkonferma dak li qed jgħid il-Gvern, jiġifieri li l-iskop għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni hu wieħed ta’ riċerka.
Dwar is-sistema tal-banding, li qed tiġi deskritta minn xi wħud, fosthom mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, bħala sistema li teħodna lura għall-istreaming, l-MUT qalet li l-ideal ikun li kieku f’kull skola jkun hemm klassijiet żgħar bi studenti li għandhom abbiltajiet imħallta. L-union tenniet li pajjiżna m’għandux il-finanzi għal din is-sistema u għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi, taqbel mas-sistema tal-banding li qed jipproponi l-Gvern. Madankollu, l-MUT qalet li hi enfasizzat li għandha ssir analiżi kontinwa dwar din is-sistema biex isiru bidliet fejn meħtieġ.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-MUT elenkat ukoll il-proposti li ressqet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Liġi tal-Edukazzjoni. Il-proposti jinkludu li l-warrant tal-għalliema ma jibqax jingħata skont id-diskrezzjoni tal-Ministru, iżda mill-Kunsill tal-Professjonisti. Bonello sostna li l-MUT ilha snin tisħaq li għandha titneħħa l-possibbiltà li l-Ministru xorta jagħti l-warrant lil min m’għandux kwalifiki jew taħriġ fil-pedadoġija sempliċiment għax ikollu 15-il sena esperjenza. Hu qal li hemm madwar 70 għalliem fl-iskejjel li ngħataw warrant b’dan l-mod.
L-MUT ħabbret ukoll kampanja fost l-għalliema b’għarfien dwar is-cyber bullying. L-ufficjali tal-union għamluha ċara li sew il-proposti fuq il-warrants kif ukoll din il-kampanja saru qabel u rrispettivament mill-każ riċenti li nvolva studenta u għalliem tagħha.
//= $special ?>

