Minkejja li l-Gvern tgħidx kemm ftaħar li se jkun hawn interess qawwi minn diversi kumpaniji lokali u internazzjonali biex iħaddmu s-servizz tat-trasport pubbliku wara t-tluq tal-Arriva, kif tħabbar fl-aħħar jiem kienu biss tlieta l-konsorzja li esprimew l-interess tagħhom wara li għalqet is-sejħa għall-espressjoni tal-interess it-Tnejn li għadda. Minn fost dawn it-tlieta, l-unika waħda barranija hi l-kumpanija Spanjola Autobuses Urbanos de Leon.
Issa, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li fil-fatt, din l-unika kumpanija barranija li esprimiet l-interess tagħha fit-trasport pubbliku f’Malta mhi xejn ħlief kumpanija żgħira li tħaddem 105 persuni. Barra minhekk, f’sena d-dħul ta’ din il-kumpanija jammonta għal ftit aktar minn $10 miljun jew €8 miljun. Sew dwar id-dħul finanzjarju annwali u anke fin-numru ta’ ħaddiema, iċ-ċifri huma ferm ‘il bogħod minn dawk tal-kumpanija Arriva, li kienet timpjega madwar 1,200 persuna b’running costs ta’ madwar €72 miljun.
Dan it-tagħrif jista’ faċilment jinkiseb bi tfittxija semplici fuq l-internet. Minn hawn, wieħed jista’ jsib li din il-kumpanija Spanjola toffri servizz tal-linja biss fi provinċja waħda fi Spanja, jiġifieri Leon, li tinsab fil-majjistral tal-pajjiż, bil-kapitali tagħha għandha popolazzjoni ta’ madwar 132,000 persuna. Fis-sit elettroniku tagħha stess, il-kumpanija hi elenkata taħt il-kategorija ta’ kumpaniji tat-trasport pubbliku “Local and Subarban Transit“, jiġifieri li mhix kumpanija internazzjonali iżda provinċjali.
Biex ikompli jikkonferma wkoll iċ-ċokon ta’ dan l-operatur tat-trasport pubbliku, hemm il-fatt li kif diġà żvela MaltaRightNow.com l-Autobuses Urbanos de Leon hi sussidarja lokali tal-kumpanija tax-xarabanks ALSA, li min-naħa tagħha hi kklassifikata bħala sussidarja fi Spanja tan-National Express Group tar-Renju Unit. L-ALSA wkoll hi kumpanija żgħira, li meta twaqqfet fl-1923 kienet operatur meqjus bħala reġjonali u bbażata fir-reġjun Spanjol biss ta’ Asturias.
Fl-2005, il-maġġoranza tal-ishma fl-ALSA nxtraw min-National Express tal-Ingilterra, li hu grupp tat-trasport li jipprovdi servizzi tal-linja u bil-coach fi Spanja u f’diversi pajjiżi ohrajn Ewropej, kif ukoll fil-Marokk.
Dan kollu jikkonferma li apparti dan l-uniku interess barrani, minn kumpanija żgħira, fis-sejħa li ħareg il-Gvern għat-trasport pubbliku, l-ebda operatur ieħor kbir jew stabbilit ma tħajjar jitfa’ t-tender. Dan minkejja li l-Ministru Joe Mizzi kien indika li hemm sa 15-il kumpanija kbira li wrew interess fil-perjodu inizjali. Madankollu, fil-Parlament ilbieraħ il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li jikkunsidra l-fatt li ntefgħu dawn l-offerti bħala “Vittorja” għall-Gvern.
//= $special ?>


