Tkompla l-ġuri tal-atleta mill-Afrika t’Isfel Oscar Pistorius li qed ikun akkużat li fl-14 ta’ Frar ta’ sena ilu qatel lit-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp. Il-prosekutur Gerrie Nel, bħal ma għamel fl-ewwel jum attakka lil Pistorius u qallu li hu bniedem li jitfa’ ħtija fuq kulħadd minbarra fuqu innifsu. Nel qal dan meta kien qed jistaqsi lil Pistorius dwar każijiet preċedenti fejn kien diġa’ għamel użu minn armi tan-nar.
Fil-ġimgħat li għaddew kien ġie żvelat li waqt li kien f’ristorant f’Johannesburg , xahar qabel ma qatel lil Steenkamp, kien spara arma tan-nar u talab lil sieħbu biex jieħu l-ħtija. Minn naħa tiegħu Pistorius qal li ma kinex għafas il-grillu u Nel wieġbu b’mod sarkastiku li dan kien ‘miraklu’.
Nel staqsa wkoll lil Pistorius dwar munizjon li dan kellu mingħajr permess u l-atleta għal darba oħra naqas milli jerfa’ r-responsabbilta` u qal li dawk kienu ta’ missieru. Dan tal-aħħar irrifjuta li jikkonferma li l-munizjon kien fil-fatt tiegħu.
Għal darba oħra, Pistorius, bħal ma qal nhar l-Erbgħa, reġa’ qal li ma kellux l-intenzjoni li jispara lejn il-bieb tal-kamra tal-banju li fiha kien hemm Reeva iżda għamel dan għax ma kellux ħin biex jaħseb fi stat ta’ biża’.
Gerrie Nel eżamina l-messaġġi li intbgħatu bejn il-koppja fuq il-mobile u minn dak li ra ħareġ biċ-ċar li Pistorius kien bniedem possessiv li jħobb jikkmanda. F’messaġġ minnhom, saħansitra Pistorius gerger ma’ Steenkamp għax kienet tħobb ic-chewing gum. F’messaġġ ieħor, Sttenkamp qalet lil Pistorius biex ma jibqax jgħir daqshekk għaliha wara li irrabja magħha għax tkellmet ma’ raġel waqt festin. Pistorius baqa` jsostni li dejjem mexa sew mat-tfajla tiegħu imma fl-istess ħin qal li fil-messaġġi tagħha ma kinitx qed tigdeb.
“Reeva ma kinitx tibża’ minni. Jien mhux bniedem li nbeżża’ n-nies. Għandi dispjaċir kbir li ma kellix ċans ngħidilha li nħobba qabel mietet.
Il-prosekutur Nel iddeskriva l-apoloġija li għamel Pistorius lill-qraba ta’ Steenkamp bħala ‘xena għal għajn in-nies’ u li kieku veru ried jitlob apoloġija seta’ għamel dan fil-privat u mhux fil-Qorti. Minn naħa tagħha, June Steenkamp, omm Reeva qalet li ma kinitx impressjonata bl-apoloġija tal-atleta.
“Kont naf li se jiskuża ruħu fil-Qorti. L-avukati kienu ippreparawni għal xi ħaġa bħal din u meta talab apoloġija ma impressjonajtx ruħi. Meta skuża ruħu bkejt mhux għax emozzjonani imma għax bdejt niftakar f’dak li għaddiet minnu binti, persuna li qatt m’hu se terġa’ tkun miegħi,” qalet June Steenkamp f’intervista qasira f’ġurnal Ingliż.
“Pistorius bniedem li imdorri jkun glorifikat u issa sab ruħu f’sitwazzjoni opposta. Matul il-ġuri qed ikun drammatiku ħafna, jibki, jirremetti u jlaqlaq. Il-ħin kollu nġib ix-xena ta’ meta binti kienet fil-kamra tal-banju fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.”
Ta min jinnota li l-ġenituri ta’ Reeva qatt ma kienu iltaqgħu ma’ Pistorius qabel ma rawh fil-Qorti.
//= $special ?>

