Lokali Qorti

Stefano Mallia ppreżenta libell kontra l-ġurnal tal-GWU

Stefano Mallia ppreżenta libell kontra l-Orizzont wara li l-ġurnal tal-GWU ppubblika rapport intitolat “Kumpaniji li fihom kien direttur Stefano Mallia: €2.5 miljun f’kuntratti f’ħames snin”. Ir-rapport hu ntiż biss biex iħammeġ l-unur ta’ Stefano Mallia u hu parti minn kampanja ta’ tfiegħ ta’ tajn, li fil-mira tagħha hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia.

Bl-artiklu tiegħu, il-ġurnal tal-GWU irid jagħti x’jifhem li Stefano Mallia ngħata €2.5 miljun, iżda l-verità hi ‘l bogħod ħafna minn hekk. Bl-aktar mod qarrieqi u oxxen, l-Editur qabad kuntratt li ntrebaħ b’offerta minn kumpaniji internazzjonali u kumpanija li fiha Stefano Mallia kien Direttur u tefa’ l-ammont sħiħ ta’ €1.9 miljun fuq l-istess kumpanija ta’ Stefano Mallia. Iżda l-verità hi li, f’dan il-kuntratt, is-sehem tagħha kien biss ta’ €80,000 fuq medda ta’ erba’ snin.

Il-ġurnal tal-GWU irid ukoll jagħti x’jifhem li Stefano Mallia ngħata xi trattament preferenzjali mill-Gvern preċedenti, iżda dan mhux minnu. Stefano Mallia hu Konsulent speċjalizzat fuq l-Ekonomija u l-Unjoni Ewropeja. Fil-professjoni tiegħu, kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala Direttur, hu jitqabbad biex jagħti konsulenzai fuq materji relatati mal-oqsma li jispeċjalizza fihom.

Il-kumpanija li jaħdem magħha llum tħaddem 50 persuna, fosthom numru ta’ esperti li jiġu mqabbda minn żmien għal żmien biex jagħtu parir, jagħmlu studji jew jagħmlu xogħol ieħor anke barra minn Malta. Iżda l-ġurnal tal-GWU u l-Partit Laburista għoġobhom jiffukaw biss fuq Stefano Mallia, anke billi poġġew l-artiklu b’ritratt ta’ Mallia fil-faċċata tal-ġurnal. Ir-raġuni ta’ dan hu għax Stefano Mallia hu kandidat mal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Stefano Mallia kkummenta li dan hu l-aktar mod meskin ta’ kif għandha titħaddem il-politika. Qal li hu daħal fil-politika biex ikun forza pożittiva. Iddikjara li jekk xi ħadd isib li għamel xi ħaġa li mhux f’postha, jirtira l-kandidatura mmedjatament “għax jien qiegħed hawn biex nagħti servizz u biex nagħmel xi ħaġa pożittiva għal pajjiżi”.

Mallia kompla li hu ta’ għajb li l-Partit Laburista, li tant saħaq fuq il-bżonn li l-politika m’għandiex tkun miġġielda fuq livell personali, qed jagħmel attaki personali u inġusti fil-konfront tiegħu. Hu wkoll daqstant ta’ għajb li ġurnal li hu suppost indipendenti, qed jieħu sehem f’din il-kampanja ta’ tfiegħ ta’ tajn.

“Jien nispera li xi darba l-politika ssir aktar pożitiva biex b’hekk tkun ta’ aktar relevanza għan-nies. Dan hu li jridu n-nies, iżda sfortunatament il-Partit Laburista għadu ma ndunax b’dan u għalhekk jibqa’ jħaddan politika tal-passat”, temm jgħid Stefano Mallia.

Għal Stefano Mallia qed jidher l-avukat Joe Zammit Maempel.