Ajruplan li qed ifittex il-Boeing tal-Malaysia Airlines li sparixxa waqt vjaġġ lejn iċ-Ċina indika ħoss akustiku ieħor minn zona lejn in-Nofsinar tal-Oċean Indjan, u fost tamiet li t-tfittxija għall-ajruplan mitluf tiżvela xi ħaġa konkreta wara impenn ta’ ġimgħat.
Intant, l-aħħar sinjal – li jista’ ġej mill-kaxxa s-sewda tal-Boeing – jirrikjedi l-analiżi u meta fil-jiem riċenti nzertaw erba’ ħsejjes akustiċi oħra mis-search area indikata fl-oċean. Dan meta rrankat it-tfittxija għal ‘Titjira MH370′, li fit-8 ta’ Marzu ma dehritx aktar mindu telqet (b’239 persuna abbord) minn Kuala Lumpur fid-direzzjoni ta’ Beijing.
L-ajruplan tat-tip AP-3C Orion, tal-qawwiet tal-ajru Awstraljani, qabad is-sinjal fl-istess inħawi fejn il-vapur Awstraljan, Ocean Shield, irnexxielu jindika l-erba’ audio pings preċedenti, fi tmiem il-ġimgħa l-oħra u anki din il-ġimgħa.
L-ajruplani li qed jgħinu fit-tfittxija tefgħu l-bagi mgħammrin b’sistemi ta’ hydrophone fl-oċean bl-iskop li jaqbdu s-sinjali mill-kaxxa s-sewda – li l-batteriji tagħha jibqgħu effettivi għal xahar u li jfisser li ż-żmien qed jagħfas għal żblokk f’din is-sitwazzjoni.
Fl-istess ħin, iz-zona tat-tfittxija saret aktar ‘ristretta’ fost ottimiżmu li l-kaxxa s-sewda tal-Boeing tinstab fil-qigħ tal-oċean ‘fl-istess inħawi tal-Ocean Shield u l-vapuri l-oħra’.
Sadanittant, Angus Houston, l-Air Chief Marshal irtirat li qed imexxi t-tfittxija, tkellem dwar ‘l-aħħar sinjal’ u kkonferma li filwaqt li d-data akustika teħtieġ l-evalwazzjoni xierqa, kapaċi hemm ukoll xaqq ta’ dawl potenzjali.
//= $special ?>

