L-esportazzjoni u l-importazzjoni taċ-Ċina rreġistraw tnaqqis sostanzjali matul ix-xahar li għadda, biex komplew l-indikaturi ta’ hekk-imsejjaħ slowdown fit-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja.
Intant, l-esportazzjoni taċ-Ċina naqset b’6.6 fil-mija, f’Marzu, meta pparagunat ma tas-sena li għaddiet. Fl-istess xahar, l-importazzjoni naqset ukoll, bi ħdax fil-mija, fuq l-2013.
Hu, fil-fatt, minnu li l-esportazzjoni taċ-Ċina naqset għat-tieni xahar konsekuttiv u wara t-tnaqqis ta’ tmintax fil-mija rreġistrat fi Frar. Dawn ix-xahrejn li fihom l-esportazzjoni kompliet titlef ir-ritmu huma anki l-ewwel perijodu ta’ tnaqqis konsekuttiv mill-2009.
Uħud qalu li t-tnaqqis fl-esportazzjoni miċ-Ċina jista’ jkun attribwit għal ‘anqas domanda mis-soltu’, minħabba l-vaganzi tas-Sena Ġdida Lunari u fejn għalqu diversi negozji u fabbriki.
Iżda mill-banda l-oħra, l-analisti kienu qed jistennew li jaraw żieda fl-esportazzjoni u l-importazzjoni taċ-Ċina matul ix-xahar ta’ Marzu.
Sadanittant, iċ-ċifri għal Marzu għandhom iżidu mat-tħassib riċenti dwar l-istat tal-ekonomija taċ-Ċina li qed turi sinjali ta’ dgħjufija, fost statistika fqira relatata għas-setturi tal-manifattura u l-kummerċ.
L-aħħar data ħarġet ukoll ftit tal-jiem wara li l-Bank tad-Dinja naqqas l-aspettativa dwar l-iżvilupp taċ-Ċina għal 7.6 (minn 7.7) fil-mija għal din is-sena.
//= $special ?>

