Il-President Russu, Vladimir Putin, wissa lill-Mexxejja tal-Ewropa li nħolqot ‘sitwazzjoni kritika’ minħabba li l-Ukrajna qed titnikker fil-ħlas dovut għall-provvisti tal-gass mir-Russja.
Filwaqt li l-pipelines (li jgħaddu mill-Ukrajna) qed iservu diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bil-gass li tipproduċi r-Russja, hemm inkwiet li t-tensjoni bejn Moska u Kiev twassal għal nuqqasijiet fil-provvista.
Il-produttur Gazprom tenna li d-djun tal-Ukrajna b’konnessjoni mal-provvisti tal-gass mir-Russja issa qabżu l-1.4 biljun ewro. Iżda waqt li l-kumpannija tista’ tinsisti ‘għall-ħlas bil-quddiem’ mingħand Kiev, Vladimir Putin qed iħeġġiġha biex tistenna sakemm isiru t-taħditiet ‘mas-sieħba’ (u fejn jidher li hu kien qed jirreferi għall-UE).
Madankollu, Putin bagħat ittra lill-Mexxejja tal-Ewropa fejn sostna li ċ-ċirkostanzi jistgħu jaffettwaw il-provvista tal-gass lejn l-Ewropa. Dan minbarra li ssuġġerixxa ‘miżuri speċjali’, mingħajr ma elabora fuq it-tema.
Intant, is-separatisti armati li jappoġġjaw ir-Russja baqgħu jokkupaw il-bini uffiċjali fl-ibliet Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk u minkejja l-ultimatum ta’ Kiev li jista’ jiftaħ għall-forza f’każ li s-sitwazzjoni ma tinbidilx.Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fi Kiev ilbieraħ qalu li m’humiex beħsiebhom jipproċessaw bil-liġi lis-separatisti f’każ li huma jċedu l-armi.
Fi żvilupp ieħor, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) issospendiet id-drittijiet tal-vot tar-Russja (membru tagħha), flimkien mal-parteċipazzjoni Russa fil-missjonijiet tal-osservaturi waqt l-elezzjonijiet. L-Assemblea tissorvelja d-drittijiet umani f’47 Stati-membri u ħadet il-miżura bi protesta talli r-Russja ħatfet kontroll tal-penisola tal-Krimea.
//= $special ?>

