Qorti

17-il sena ħabs f’ġuri tinżel għal 12-il ħabs mill-Appell talli għenet lill-Pulizija

Anna Spiteri, ta’ 50 sena mill-Marsa u li fil-5 ta’ Frar 2011 kienet ikkundannatra 17-il sena ħabs mill-Imħallef Lawrence Quintano, kellha l-piena tagħha mnaqqsa b’ħames snin u għalhekk il-piena niżlet għal 12-il sena ħabs. Hi kienet instabet ħatja 7-2 f’ġuri dwar 3.5kg droga eroina. Il-Qorti tal-Appell qalet li Spiteri għenet lill-Pulizija, xi ħaġa li l-Prosekuzzjoni lanqas biss għamlet aċċenn dwarha u li skont il-Liġi dan ifisser li l-piena għandha tonqos bi grad jew tnejn. Hi kellha wkoll il-multa ta’ €37,000 imnaqqsa għal €23,000.

Spiteri kienet instabet ħatja li fis-17 ta’ Settembru 2008 ġabet id-droga magħha minn Tuneż. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin David Scicluna u Joseph Zammit McKeon, qalet li “kif din il-Qorti diġà kellha l-opportunità tfisser f’sentenzi oħrajn, biex persuna tibbenefika minn tnaqqis ta’ grad jew tnejn fil-piena ta’ priġunerija (u tnaqqis ta’ terz jew nofs fil-piena pekunjarja) mhux biżżejjed li dak li jkun isemmi l-persuna mingħand min ikun xtara d-droga.

“Irid jirriżulta li b’dik l-informazzjoni l-akkużat ikun effettivament għen lill-Pulizija biex taqbad lil dik il-persuna. Jekk minkejja dik l-għajnuna, il-Pulizija ma jkollhiex provi biżżejjed biex tressaq quddiem il-Qorti lill-persuna indikata, jew jekk dik il-persuna indikata tkun diġà nqabdet mill-Pulizija qabel ma tissemma’ mill-akkużat, ma jkunx jista’ jingħad li l-akkużat ikun għen lill-Pulizija biex taqbad lil dik il-persuna. Jekk hekk, faċilment jiġri li, biex persuna tnaqqas mill-piena tagħha, tibda ssemmi ismijiet ta’ nies li jistgħu jkunu innoċenti jew li tkun taf li diġà nqabdu in konnessjoni mal-bejgħ ta’ droga lilha”.

Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, il-Prosekuzzjoni ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni li Spiteri kienet “għenet lill-Pulizija biex taqbad lill-persuna jew lill-persuni li jkunu pprovdewlha l-mediċina”. Madankollu, jirriżulta li l-persuna indikata minn Anna Spiteri bħala dik li kienet responsabbli biex tipprovdilha d-droga, Nagi Al Maraash, inqabdet mill-Pulizija u ttieħdu proċeduri kontra tiegħu. Dan irriżulta kemm mix-xiehda tas-Supretendent Stephen Gatt kif ukoll mix-xiehda ta’ l-Ispettur Pierre Grech. Barra minhekk, matul il-ġuri hu tressaq bħala xhud u għażel li ma jixhidx “peress li l-każ kienu għadu għaddej”.

Għaldaqstant, fil-fehma tal-Qorti tal-Appell, l-artikolu 29 tal-Kapitlu 101 għandu jiġi applikat għall-benefitċċju ta’ Spiteri. Ma jistax ma jiġix innutat ukoll li hi ndikat ukoll lil Mohammed Ahmed Al Maraash, li jiġi ħu Nagi Al Maraash, bħala l-persuna li lilha kellha tgħaddi l-bagalja. Fil-fatt, anke dwar dan ittieħdu proċeduri, kif ukoll kontra Issam Zbeda li kien jinsab l-Ajruport. Spiteri, li kienet inżammet mill-Uffiċjali tad-Dwana hekk kif waslet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kellha fil-pussess tagħha kważi 3.5kg droga eroina b’purità ta’ madwar 32%, li l-valur tagħha fis-suq iġib is-somma ta’ €158,465.40.

Spiteri kienet waslet fl-Ajruport fuq it-titjira tal-linja Seven Air minn Tuneż. Hi kienet twaqqfet minn Uffiċjali tas-Sigurtà meta dehret taġixxi b’mod suspettuż u wara tfittxija mill-Uffiċjali tad-Dwana kienet instabet id-droga f’żewġ basktijiet ta’ laptops li kienu fil-bagalja tagħha. Sakemm il-mara kienet qed tinżamm fl-Ajruport, il-Pulizija kienu nnutaw liż-żewġt irġiel barranin li kienu qed jistennew lill-mara tgħaddilhom id-droga. Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet investigat il-każ.