Editorjal

Editorjal: Piż erba’ darbiet akbar fit-trasport pubbliku

Kemm hu faċli tmaqdar, imma kemm hu diffiċli tagħmel aħjar. Hekk qed jiġrilu l-gvern ta’ Joseph Muscat fit-trasport pubbliku fejn issa qed naraw ir-riżultat tan-nuqqas ta’ roadmap – fil-veru sens tal-kelma.

Sussidju pubbliku limitat, u t-telf għal kumpanija privata
Qabel kellna servizz li aħna li nħallsu t-taxxi konna nafu kemm jiswiena kull sena. Konna nħallsu sussidju lill-Arriva, kumpanija privata, imma mbagħad jekk din kienet tagħmel telf kien għaliha, mhux għalina. Dak kien il-kuntratt.

Muscat ħalla lill-kumpanija privata toħroġ mill-kuntratt
Muscat fl-aħħar tas-sena l-oħra ħalla lill-Arriva toħroġ minn dan il-kuntratt. U beda jmexxi t-trasport pubbliku hu. Ma jista’ jwaħħal f’ħadd, jiġifieri. U x’ġara?

Telf kbir fit-trasport pubbliku fl-ewwel tliet xhur immexxi minn Muscat
L-ewwel nett: it-telf kbir li l-gvern tefa’ fuqna lkoll fl-ewwel tliet xhur li ħaddem is-servizz. Għax waqt li qabel konna nħallsu sussidju imma t-telf kien għall-kumpanija privata, issa t-telf li qed jagħmel il-gvern hu għalina lkoll. U l-gvern issa kellu jammetti li fl-ewwel tliet xhur tilef xejn anqas minn 7 miljun ewro, jiġifieri fi tliet xhur tilef daqs kemm konna nħallsu sussidju qabel f’sena sħiħa.

Servizz agħar, bil-fatti u bil-provi
It-tieni: is-servizz agħar. Dal-gvern kien wiegħed li kellu jtejbu s-servizz, imma fil-fatt bagħtu lura u bil-provi. Spiċċaw il-karozzi tal-linja ta’ billejl li kienu jagħtu servizz minn San Ġiljan għal Malta kollha billejl mill-Ġimgħa għas-Sibt u mis-Sibt għall-Ħadd. Numru ta’ rotot inqatgħetilhom ukoll l-aħħar karozza tal-linja anke matul il-ġimgħa. Fejn qabel l-aħħar servizz kien sal-11 ta’ billejl, issa dan m’għadux. Fuq numru sew ta’ rotot illum hemm jaħdmu karozzi antiki li ma jistgħux jirkbuhom anzjani, persuni b’diżabilità u nisa bit-tfal. U l-karozzi li suppost jiġu u ma jiġux, jew ma jiġux fil-ħin, żdiedu mhux naqsu. Dawn huma l-fatti.

Nuqqas ta’ interess fl-offerta l-ġdida
Hemm ukoll issa n-nuqqas ta’ interess fil-kuntratt il-ġdid. Il-gvern kien ftaħar li tgħidx x’interess kien qed jara. Imbagħad żewġ kumpaniji barranin qalu li ma setgħux jaħdmu mal-gvern ta’ Muscat li kien qed jaħbilhom. Il-gvern fl-aħħar ġurnata bidel ukoll il-kundizzjonijiet tas-sejħa. U spiċċa b’żewġ offerti għat-trasport f’Malta; waħda minn kumpanija Maltija li mnalla tefgħet offerta għax inkella l-gvern jispiċċa ostaġġ tal-kumpanija barranija waħda li wriet interess, kumpanija żgħira Spanjola. U naturalment għadna ma nafux x’sussidju qed jitolbu u x’nollijiet se jagħmlu.

Muscat tefa’ piż erba’ darbiet akbar fuq min iħallas it-taxxi
Din hi r-realtà fit-trasport pubbliku; ħafna paroli qabel, imma l-affarijiet għall-agħar: nuqqas ta’ interess fil-kuntratt, servizz li mar lura, u telf kbir li l-gvern ta’ Muscat tefa’ fuqna lkoll bit-tmexxija ħażina tiegħu li rriżultat f’telf li hu erba’ darbiet aktar minn kemm konna nħallsu qabel f’sussidju.