Ambjent Lokali

Filmat: Il-proposta tal-Gvern li jaqsam il-MEPA fi tnejn hi stil antik ta’ politika

Qed tkompli l-kritika qawwija għall-proposta tal-Gvern li jerġa’ jaqsam l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi tnejn. Dwar din ir-riforma, il-Gvern ħareġ dokument ta’ konsultazzjoni, li fl-aħħar jiem ġie kkundannat mill-għaqdiet ambjentali u anke mill-Alternattiva Demokratika, li ddeskrivietu bħala pass lura minflok ‘il quddiem.

Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet illum, indirizzata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ambjent Charlò Bonnici u dak ghall-Ippjanar Ryan Callus quddiem il-bini tal-MEPA, saħqet li din il-proposta tal-Gvern hi stil antik ta’ politika.

Ryan Callus qal li bejn l-iżvilupp u l-ambjent mhux separazzjoni għandu jkun hemm, iżda bilanċ. Hu qal li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern juża’ l-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa ħalli verament jisma’. Callus semma wkoll kif issa t-Tribunal tal-Appelli se jkun appuntat mill-Prim Ministru – xi ħaġa li bla ebda dubju turi nuqqas ta’ trasparenza.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Charlò Bonnici qal li l-qasma tal-Awtorità se jkun pass lura minbarra li d-dokument ta’ konsultazzjoni hu wieħed fjakk u m’hemm xejn dwar infurzar. Charlò Bonnici staqsa min se jinforza fuq danni ambjentali, fuq l-użu tal-ilma tal-pjan, fuq użu ta’ fuels, fuq persentaġġi ta’ riċiklaġġ mill-iskart u fuq enerġija nadifa.

Sadanittant, aktar kmieni matul il-ġurnata, iċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar iddefenda d-deċiżjoni dwar il-qasma tal-Awtorità u wiegeb li se tkun qed tgħin l-Ambjent. Min-naħa tiegħu, f’attività li kellu dalgħodu is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-MEPA Michael Falzon ta r-reazzjoni tiegħu għall-kritika qawwija li qed issir u l-appelli biex ikun hemm aktar konsultazzjoni.

Fil-kritika tagħhom fl-aħħar jiem, sew l-Alternattiva Demokratika kif ukoll l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar sostnew li din ir-riforma se tieħu l-progress li sar f’dan il-qasam lura. F’isem l-AD, Arnold Cassola kien stqarr li b’din ir-riforma r-residenti se jingidmu u l-ispekulaturi se jkunu aġevolati. L-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar kienet sostniet li d-dokument qed jipprovdi li l-Ministru se jkun jista’ jirregolarizza l-iżvilupp u din hi xi ħaġa li titfa’ lil pajjiżna lura fi żmien it-tmeninijiet.