Iċ-ċaqlieq ippjanat mill-Gvern fil-Kulleġġi qed joħloq tħassib fost il-ġenituri tal-istudenti affettwati, anke minħabba li l-Gvern ma kkonsultax. Fost iċ-ċaqlieq fil-Kulleġġi hemm dak li se jolqot il-Mosta, b’omm li tkellmet magħna qaltilna li l-ġenituri rċievew ċirkolari li nfurmathom li t-tfal se jqattgħu Form 1 u 2 fi skola fin-Naxxar u fil-Form 3 jirritornaw fil-Mosta, fejn jinqasmu fuq żewġ skejjel: Lily of the Valley u taż-Żokrija.
L-omm saħansitra bagħtet ittra lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo bl-oġġezzjoni tal-ġenituri li ma jridux li t-tfal tagħhom joħorġu barra mill-Mosta. Ma’ MaltaRightNow.com, hi tkellmet ukoll dwar l-ispejjeż kbar li se jidħlu fihom il-ġenituri, hekk kif issa mistennija tinbidel ukoll l-uniformi.
Hi talbet lill-Ministru biex isib ħin jagħti widen lill-ġenituri u jattendi għall-programm .Net fuq NET Television biex jitratta din il-kwistjoni. L-ittra, li fiha l-omm talbet ukoll lill-Ministru biex jorganizza laqgħa ta’ informazzjoni għall-ġenituri li se jiġu affettwati, s’issa għadha bla risposta.
//= $special ?>

