Lokali

Id-dħul mill-biljetti tat-trasport pubbliku naqas b’7 fil-mija

It-tagħrif li ta l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fil-Parlament dwar id-dħul tal-Gvern mill-bejgħ tal-biljetti tal-karozzi tal-linja din il-ġimgħa hu ta’ tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku mindu ħadu f’idejh il-Gvern. Il-Ministru Mizzi, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, kellu jammetti li kemm ilu li hu daħal direttament responsabbli għat-trasport pubbliku, id-dħul mill-bejgħ tal-biljetti tal-karozzi tal-linja sofra waqgħa ta’ 7fil-mija.

Dan intqal fi stqarrtija maħruġa mill-Perti Toni Bezzina, il-kelliema tal-PN dwar it-Trasport.
HU qal li l-Ministru Joe Mizzi qed iwaħħal fir-roħs li huwa ta lit-turisti. Imma l-ewwel tliet xhur tas-sena huma l-agħar tliet xhur għat-turiżmu u diffiċli jispjegaw waqgħa ta’ 7 fil-mija fid-dħul mill-bejgħ tal-biljetti. Agħar minn hekk, kieku dak li qed jgħid il-Ministru Mizzi hu minnu, it-trasport pubbliku se jsofri daqqa ferm akbar fix-xhur tas-Sajf meta l-użu tat-trasport pubbliku mit-turisti jkun ferm akbar mill-agħar xhur tax-Xitwa.

Id-Deputat Toni Bezzina qal li t-tmexxija ħażina tat-trasport pubbliku mill-Ministru Joe Mizzi f’dawn l-aħħar tliet xhur hi ta’ inkwiet qawwi għal kull min iħallas it-taxxi. Il-waqgħa ta’ 7 fil-mija fid-dħul mill-biljetti, il-prospett li l-waqgħa tkun ferm aktar qawwija fis-Sajf u t-telf straordinarju ta’ €7 miljun li t-trasport pubbliku ġarrab fl-ewwel staġun tat-tmexxija tal-Ministru Mizzi, mhux qed jagħmel tajjeb għalihom il-Ministru Joe Mizzi, imma huma kollha piż li hu tefa’ fuq kull min iħallas it-taxxi.

Fl-istqarrija d-Deputat Toni Bezzina qal li l-Ministru Mizzi ġab b’idejh stess sitwazzjoni li fiha t-taxpayer Malti diġà kellu jħallas fi staġun dak li qabel kien iħallas f’sussidju f’sena sħiħa u l-interess qawwi li l-Ministru Mizzi ftaħar li kien qed jara fil-kuntratt tat-trasport pubbliku rriżulta biss fl-interess ta’ żewġ kumpaniji għat-trasport pubbliku f’Malta.

Il-Ministru Joe Mizzi jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-piż qawwi li diġà tefa’ fuq it-taxpayer Malti fi staġun, għan-nuqqas ta’ interess fil-kuntratt għat-trasport pubbliku, għat-tnaqqis fis-servizz li t-trasport pubbliku sofra kemm ilu f’idejh, għat-tbatija li qed jikkawża fuq ċerti rotot lill-anzjani, lill-persuni b’diżabbiltà u lill-ommijiet bit-tfal, u għat-tneħħija tat-trasport ta’ bil-lejl fi tmiem il-ġimgħa.

L-istqarrija ttemm li żmien l-iskużi għall-Ministru Joe Mizzi issa għadda.