Wara madwar gimgħa mill-istorja żvelata minn dan l-istazzjon dwar is-Sindku Laburista tax-Xagħra Joe Cordina, il-Partit Laburista jibqa’ ma jridx jgħid hux se jieħu passi kontra s-Sindku Laburista, li qed jiffaċċja akkużi kriminali kontrieh.
Mistoqsijiet li dan l-istazzjon bagħat lill-Ufficcju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista baqgħu bla risposta. Staqsejna lill-Partit Laburista x’passi se jieħu fil-konfront ta’ Cordina, li sa ftit qabel l-elezzjoni generali li għaddiet kien ukoll l-Amministratur tal-Finanzi tal-Partit Laburista u llum Chairman tal-Gozo Channel, li għandu akkużi kriminali kontrih. U jekk għall-Partit Laburista, il-pożizzjoni ta’ Cordina hijiex tengibbli.
Fil-jiem li għaddew, dan l-istazzjon żvela li s-Sindku Laburista tax-Xagħra qed jiffaċċja akkuzi kriminali għax qabad u daħal fuq propjeta’ privata fil-bajja ta’ Għajn Barrani biex jagħmel xogħol ta’ konkos, kif ukoll saru diversi atti ta’ vandalizmu fuq l-istess propjeta’ privata bl-uzu ta’ kuntrattur imqabbad mill-istess Sindku Cordina.
Minn dakinhar, irċevejna tweġiba mill-Avukat ta’ Cordina, Carmelo Galea. L-avukat Galea, li bagħtilna t-tweġiba skont il-Ligi tal-Istampa, hu wkoll l-avukat tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra. B’hekk f’dan il-każ Galea hu konsulent legali ta’ Kunsill Lokali li s-Sindku tiegħu qed jiffaċċja akkużi kriminali u avukat tal-istess persuna li qed tiffaċċja l-istess akkużi.
Fit-tweġiba tiegħu, l-Avukat Galea kkonferma li “hu minnu li hemm kawża pendenti kontra s-Sur Cordina” .
It-tweġiba tispjega li l-kawza saret minn persuna li, skont l-avukat Galea, “irid biss itellef l-aċċess” għall-bajja, filwaqt li sostna li s-Sindku ried biss “jipproteġi l-interess tal-pubbliku inġenerali”. L-avukat tas-Sindku caħad li s-Sindku ta struzzjonijiet biex isiru xi atti vandali, filwaqt li allega li fl-istorja li xandarna konna żgwidati mill-persuni nvoluti fil-każ. L-avukat Galea temm it-tweġiba tiegħu, f’isem is-Sindku Laburista, li minħabba li l-każ għadu sub-judice, ma jħossux li għandhom jikkummentaw aktar.
Mistoqsi jekk ix-xogħol li ordna Joe Cordina kellux il-permess tal-MEPA – u jekk iva x’kien in-numru tal-permess, l-avukat Galea qal li “x-xogħlijiet li ġew ordnati mis-Sindku Joe Cordina kienu approvati minn qabel b’deċiżjoni unanima tal-Kunsilliera”.
Madankollu, dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-Kunsill, immexxi minn maġġoranza Laburista, fl-ebda ħin ma kien infurmat li se jsir xi xogħol ta’ konkos. Il-Kunsill kien infurmat biss li se jsir xogħol ta’ tindif u zgumbrar f’dan il-passaġġ. F’dan l-istadju, komplew jispjegaw is-sorsi tagħna, fil-laqgħa li fiha ġie diskuss dan ix-xogħol ma ttieħed l-ebda vot għax ħadd ma ħass li kellu jmur kontra l-idea ta’ tindif u zgumbrar.
//= $special ?>

