Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN bi 52 kandidat u l-PL b’24 għall-Kumitati Amministrattivi fil-Komunitajiet

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta 52 kandidat u l-Partit Laburista 24 kandidat. Kien hemm ukoll ħames kandidati Indipendenti. 20 mill-kandidati tal-PN (40%) huma nisa, filwaqt li tmienja (16%) huma żgħażagħ. Il-ħames kandidati Indipendenti huma kollha kandidati għal Santa Luċija f’Għawdex.

Dawn l-elezzjonijiet se jsiru fl-24 ta’ Mejju f’16-il Komunità Amministrattiva, 13 f’Malta u tlieta f’Għawdex, għat-tieni darba wara dawk tal-2010. B’kollox iridu jiġu eletti 80 membru għax kull Kumitat ikun iffurmat minn ħames persuni. L-elezzjonijiet mhux se jsiru fil-Kumitati kollha għax sebgħa minnhom diġà huma ffurmati minħabba li daħlu nomini eżatt kemm hemm bżonn biex jiġi ffurmat il-Kumitat. Barra minhekk, f’erbgħa oħra daħlu anqas minn ħames nomini.

F’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, mhux se ssir elezzjoni għax hemm ħames nomini għall-ħames postijiet. Għall-PN ħarġu Aquilina Simonia, Borg Olivier Michael, Zahra Georgie u Grima Lara, filwaqt li għall-PL ħarġu Galea Rodney.

Għall-Kumitat ta’ Gwardamanġa, se jikkontestaw sitt kanidati għall-ħames postijiet fil-Kumitat. Għall-PN se jikkontestaw Agius Annhelica, Fitzpatrick Josef Antoine u Goggi Joseph, filwaqt li Bonnici Nazzareno, Grima Wayne u Mifsud Spiridione se jikkontestaw għall-PL.

Għall-Kumitat ta’ Marsalforn, Għawdex, kien hemm ħames nomini għall-ħames postijiet u mhux se ssir elezzjoni. Il-PN se jkun rappreżentat minn Cefai Martin, Fenech Frank, Saliba Maria u Zammit Joseph, filwaqt li għall-PL ħarġet Grech Sandra.

Fil-Baħrija wkoll mhux se ssir elezzjoni għax kien hemm ħames nomini għall-ħames postijiet fil-Kumitat. Il-PL għandu erba’ nomini, dawk ta’ Attard George, Galea Paul, Grech Paul u Portelli Angelo, filwaqt li Cortis Maria Theresa k/a Marthese se tirrappreżenta lill-PN.

F’Santa Luċija, Ta’ Kerċem, kien hemm ħames nomini għall-ħames postijiet fil-Kumitat, kollha f’isem l-Għaqda għall-Għan tal-Komunità Sta Luċija. Dawn in-nomini huma ta’ Bugeja Ricky, Mizzi Joseph, Stellini Alfred, Stellini Maria u Sultana Lucienne.

Lokal ieħor li fih mhux se ssir elezzjoni hu dak tax-Xlendi, fejn kien hemm ħames nomini għall-ħames postijiet fil-Kumitat. Il-PN għandu tliet membri, li huma Busuttil Mark Anthony, Fenech Adami Michele u Vella Charmaine, filwaqt li l-PL għandu tnejn, dawk ta’ Borg Vincent u Buttigieg Joselle.

F’Bubaqra, fiż-Żurrieq, mhux se ssir elezzjoni wara li kien hemm erba’ nomini għall-ħames postijiet fil-Kumitat. Farrugia Pierre, Sammut Marylyn u Schembri Mary f’isem il-PN, u D’Amato Joseph f’isem il-PL.

F’Paceville, Bonello Ghio Aldo k/a Albert, La Rosa Michael u Scicluna Richard se jirrappreżentaw lill-PN, u Oliva Joseph lill-PL. B’hekk mhux se ssir elezzjoni.

Lanqas fi Fleur-de-Lys mhu se ssir elezzjoni għax kien hemm erba’ nomini għall-ħames postijiet. In-nomini kienu ta’ Camilleri Carmel, Gatt Anthony, Montebello Helen u Zarb Francesca, kollha għall-PN.

Lokal fejn se ssir elezzjoni hu f’Tal-Virtù, fir-Rabat, fejn kien hemm seba’ nomini għall-ħames postijiet. Il-PN għandu l-kandidatura ta’ Abela Sam, Agius Louise, Camilleri Joseph J, Guillaumier Renate u Sant Audrey, filwaqt li Farrugia Christopher u Gatt Etienne (Stephania) se jikkontestaw f’isem il-PL.

Fil-Madliena, is-Swieqi, se ssir elezzjoni wara li kien hemm seba’ nomini għall-ħames postijiet. Il-PN hu rappreżentat minn Abela Mary Anne, Caruana Asha Caroline, Grech Sant Maria Ylenja, Leone Ganado Godfrey, Stilon Simon u Valentino Teresa, filwaqt li Chetcuti Alexander se jikkontesta f’isem il-PL.

L-elezzjoni fil-Kappara se ssir wara li ntefgħu sitt nomini għall-ħames posijiet fil-Kumitat. In-nomini tal-PN huma dawk ta’ Bartolo Francis, Bonello Ghio Stefan, Ellul Sullivan Simon, Mangion Alfred u Mousù Salvator, filwaqt li Vella Bonnici Robert se jikkontesta għall-PL.

Għall-Kumitat Amministrattiv ta’ Baħar iċ-Ċagħaq kien hemm ħames nomini għall-ħames postijiet u għalhekk mhux se ssir elezzjoni. Abela Alfreda, Cuomo Mary Anne, Vella Maria u Micallef Joseph Joel għall-PN, filwaqt li Muscat Evelyn għall-PL.

F’Ħal Farruġ mhux se jkun hemm elezzjoni wara li kien hemm in-nominazzjonijiet ta’ Gatt Kerstin u Saliba Raymond f’isem il-PL għall-ħames postijiet fil-Kumitat.

F’St.Peter, f’Ħaż-Żabbar, kien hemm in-nomini ta’ Azzopardi Nicholas, Bartolo Mario u Farrugia Luciano għall-PN, u dawk ta’ Agius Joseph u Clews Norman għall-PL.

Għas-Swatar, parti minn Birkirkara u l-Imsida, kien hemm sitt nomini għall-ħames postijiet fejn Galea Deborah, Galea Emanuel, Magri Paul u Mangion Matthew se jirrappreżentaw lill-PN, u Attard Owen-Patrick u Zahra John Mary se jirrappreżentaw lill-PL.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li qed iressaq tim b’saħħtu għal dawn l-elezzjonijiet u dan juri kemm tassew jemmen fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin, żgħar kemm huma żgħar. Il-PN fakkar li kien hu li welled u saħħaħ il-Kunsilli Lokali u fl-aħħar leġiżlatura introduċa l-kunċett ta’ Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar fl-aħħar riforma li saret fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali.

Min-naħa tiegħu, il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-kandidati kollha, b’mod partikolari lit-52 f’isem il-Partit Nazzjonalista, għall-impenn tagħhom b’risq il-lokalitajiet. Il-KKLPN esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta aktar mid-doppju tal-Partit Laburista għax dan juri biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista hu l-partit li verament jemmen fil-Kunsilli Lokali, fil-Kumitat Amministrattivi u fuq kollox fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà.