Knisja Lokali

Illum Jum id-Duluri

Jum id-Duluri, li qed tiġi ċċelebrata llum, hi ġurnata tant għażiża għalina l-Maltin u li matulha l-Insara jirriflettu dwar it-tbatija li għaddiet minnha l-Madonna, partikularment meta rat lil binha Ġesù msallab fuq l-Għuda tas-Salib. F’dan il-jum, eluf ta’ Maltin jimxu proċessjonalment wara x-xbiha tal-Addolorata, bl-akbar qima u fil-ġabra tat-talb.

Bħal kull sena, il-Partit Nazzjonalista fakkar id-devozzjoni lejn id-Duluri permezz ta’ Quddiesa li kienet ċelebrata minn Patri Mark Enriquez. Preżenti kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil u Uffiċjali tal-Partit, kif ukoll numru ta’ mpjegati ta’ Media.Link Communications u tad-Dar Ċentrali.

Sadanittant, il-Korp tal-Pulizija inawgura wirja tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Il-wirja tkun miftuħa għall-pubbliku minn għada sa Ħadd il-Għid. Wirja oħra tal-Ġimgħa Mqaddsa, organizzata mill-Pageant Group tal-Marsa, kienet inawgurata lbieraħ filgħaxija mill-Arċisqof ta’ Malta Pawl Cremona, wara Quddiesa li saret fil-Knisja ta’ Marija Reġina.

B’kollox, il-Knisja tiċċelebra id-Dulur ta’ Ommna Marija darbtejn fis-sena: ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira u fil-15 ta’ Settembru, li dakinhar tkun iċċelebrata l-Festa Liturġika.