Lokali

Inawgurata l-wirja Sakris fid-Dar Ċentrali

Il-wirja Sakris, organizzata minn Blue Circle Events, kienet inawgurata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fis-sala tad-Dar Ċentrali l-bieraħ filgħaxija.

Il-wirja, marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira, saret b’kollaborazzjoni ta’ diversi ħaddiema ta’ Media.Link Communications.

Is-sala, li normalment tintuża għal attivitajiet politiċi, inbidlet f’żona ta’ meditazzjoni u riflessjoni. L-organizzaturi ħasbu biex jinkludu żewġ sufanijiet, wieħed quddiem statwa tal-irxoxt u ieħor quddiem numru ta’ biċċiet artistici oħrajn.

Fi sfond ta’ mużika sagra, id-Deputat Editur tal-ġurnal In-Nazzjon u koordinatur tal-wirja, Simon Vella Gregory dawwar lill-Kap tal-Oppożizzjoni mal-esebiti. L-artisti li esponew l-oġġetti tagħhom ġew mistiedna jispjegaw ix-xogħolijet tagħhom lil Simon Busuttil.
F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li għalih din il-wirja hi esperjenza ta’ taghlim. Hu fisser kif matul dan ir-Randan żar diversi lokalitajiet u apprezza l-bravura tal-artisti Maltin fil-wirjiet li ġew organizzati f’dan l-isbaħ żmien għall-Knisja Kattolika.

Simon Busuttil sellem u rringrazzja lill-artisti li qed jieħdu sehem f’din il-wirja. Ma naqasx li l-Kap tal-Oppożizzjoni jirringrazzja lill-organizzaturi ta’ din l-esebizzjoni, Blue Circle Events, għall-paċenzja u d-dedikazzjoni biex din il-wirja ttellgħet b’suċċess.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li fid-Dar Ċentrali għandu jitħalla iżjed spazju għal attivitajiet kulturali, sabiex jingħata rikonoxximent lill-artisti Maltin u Għawdxin għax-xogħolijiet kreattivi tagħhom.

Din hi l-ewwel darba li qed ikunu esebiti diversi xogholijiet artistici b’tema sagra fid-Dar Ċentrali. Madwar 20 artist ikkonkorrew għal dan l-avveniment u b’kollox qed jintwerew madwar 50 opra artistika għall-apprezzament tal-pubbliku. L-oġġetti li tressqu ghal din il-wirja jvarjaw minn abbozzi sa statwi life-size.

Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja kien hemm il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, l-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono, it-Teżorier tal-Partit Alex Perici Calascione u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella.

Id-dħul għall-wirja Sakris hu b’xejn u tkun miftuħa mil-lum is-Sibt 12 ta’ April sal-Ġimgħa l-Kbira. Illum il-wirja tkun miftuħa mid-9 a.m. sa nofsinhar u mis-6 p.m. sad-9 p.m. F’Ħadd il-Palm mid-9 a.m. sa nofsinhar. Minn nhar it-Tnejn sa nhar il-Erbgħa mill-5 p.m. sad-9 p.m. F’Ħamis ix-Xirka mid-9 a.m. sa nofsinhar u mill-5 p.m. sa nofsillejl u nhar il-Ġimgħa l-Kbira mid-9 a.m. sa nofsinhar.