Ekonomija

Is-swieq finanzjarji jsofru telf madwar id-dinja kollha

Kemm fl-Ewropa, kif ukoll fl-Amerka u l-Asja, is-swieq finanzjarji sofrew tnaqqis sostanzjali matul din il-ġimgħa. Wara ġimgħat ta’ żidiet b’bosta indiċi madwar id-dinja, fl-aħħar jiem rajna kif it-tnaqqis fl-indiċi Nasdaq, li hu s-suq Amerikan għal kumpaniji tat-teknoloġija u l-informatika, infirex f’bosta pajjiżi oħra inkluż fl-Ewropa.

Il-prezz tal-ishma, li minnu jiġi ffurmat indiċi ta’ borża, jinsab fl-aktar livell baxx għal dawn l-aħħar ġimgħat. Minn Novembru 2012 sal-ġimgħa li għaddiet, l-ishma ta’ kumpaniji fit-teknoloġija u l-informatika raw żidiet ta’ madwar 40% fil-valur tagħhom. Bosta qed iqisu dan kollu bħala mument fejn wieħed jiġbed il-profitti li jagħmel.

Oħrajn qed jgħidu li d-diżgwid f’diversi reġjuni, bħal dak fl-Ukrajna u l-fatt li fl-Ewropa għandna inflazzjoni baxxa ferm, qed iwasslu għal inċertezza fis-swieq. Ma kienux ta’ għajnuna wkoll riżultati negattivi ppubblikati minn ċerti banek kbar, bħal JP Morgan. Dan il-bank dinji naqqas il-profitti tiegħu bi 19%.

Fatt kurjuż li seħħ matul din il-ġimgħa kien li l-Greċja, wara nuqqas ta’ kważi ħames snin, ħarġet bonds għall-bejgħ. Bosta qiesu dan bħala esperiment. Dawn il-bonds ħarġu b’coupon ta’ 4.75% u b’kollox il-Gvern Grieg xtaq jiġbor €3 biljun. L-investituri kienu lesti jixtru b’€20 miljun.

Analisti Ewropej qalu li dan hu vot ta’ fiduċja fl-ekonomija Griega. Fil-jiem li ġejjin, banek privati li kienu nħatfu mill-Gvern Grieg fl-aħħar snin biex jiġu salvati, se jkunu privatizzati. Dan għandu jwassal biex l-ekonomija Griega tirpilja aktar malajr, hekk kif il-qgħad issa beda nieżel.

Id-Dollaru Awstraljan kien wieħed mill-aktar li ssaħħaħ matul din il-ġimgħa. L-ewro kompla jiddgħajjef, hekk kif l-inflazzjoni tinsab f’livell baxx ħafna u l-impjiegi mhux qed jiżdiedu kif mixtieq. Il-prezz tad-deheb tjieb bi ftit fl-aħħar jiem.

Is-suq tal-bonds baqa’ wieħed b’saħħtu, b’żidiet kważi madwar id-dinja kollha. Analisti internazzjonali ġew kwotati jgħidu li mill-bidu ta’ din is-sena, bosta investituri qed jagħżlu li jinvestu f’bonds milli f’ishma. Flejjes li qabel kienu qed imorru f’ishma f’pajjiżi emerġenti, issa qed imorru f’bonds, hekk kif id-domanda kompliet tikber fl-aħħar jiem.

Din ir-rokna hi miġjuba lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net – Tel. 21493250