Il-Policy dwar il-limitazzjoni fl-għoli tal-lukandi li diġà huma mibnija daħlet fit-tieni fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-Policy, li dwarha kien diġà beda proċess qabel l-elezzjoni tas-sena li għaddiet, kompla jsir xogħol fuqha biex ikun stabbilit jekk għandhomx jiżdiedu aktar sulari mit-tnejn li kienu proposti qabel, dejjem skont ir-rekwiżiti meħtieġa biex isir dan.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-MEPA, kien spjegat kif f’din il-Policy se jkun hemm emenda li permezz tagħha issa l-Policy se tapplika biss għal lukandi eżistenti u li jridu jkunu ta’ tliet stilel jew aktar. Madankollu, ma tapplikax għal guesthouses, hostels jew tourism furnished premises. L-użu tas-sulari li jiżdiedu jrid ikun għal kmamar oħra jew għal faċilitajiet oħra li toffri l-lukanda.
Fost kundizzjonijiet oħra, dik il-lukanda li tapplika biex iżżid is-sulari għal aktar minn tnejn, tista’ taghmel dan jekk is-sit fejn tinsab ma jkunx anqas minn 5,000 metru kwadru. Il-Policy proposta tapplika biss għal-lukandi eżistenti li mhumiex f’żoni skedati, li huma barra l-ODZ u li mhumiex f’Urban Conservation Area.
Sylvio Farrugia, li mexxa l-Kumitat li kien qed ifassal din l-emenda fil-Policy spjega li kull applikazzjoni li titressaq lill-Awtorità trid tkun fil-kuntest tal-madwar. Dan ifisser li l-applikant irid jara x’se jkun l-impatt viżiv fil-madwar jekk irid iżid fis-sulari. Sylvio Farrugia spjega wkoll li jrid ikun hemm biżżejjed parkeġġ biex jikkumpensa għaz-zieda fis-sulari, li ovvjament se tkun tfisser li jiġu aktar nies lejn iż-żona. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed spazju ta’ parkeġġ, irid jintlaħaq qbil mal-MEPA jew ma’ Tansport Malta biex tinstab soluzzjoni.
Fost il-kundizzjonijiet li l-applikant ikun irid jieħu inkunsiderazzjoni, hemm ukoll l-impatt infrastrutturali, il-bini tal-madwar li jista’ jkun residenzjali u anke kwistjonijiet ambjentali, bħal bini sostenibbli.
//= $special ?>
