F’konferenza tal-aħbarijiet, fi tmiem laqgħa ministerjali għal rappreżentanti minn stati membri fl-Unjoni Ewropea li jinsabu fil-Mediterran, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq li t-turiżmu fil-Mediterran għandu jkun faċilitat, speċifikament permezz ta’ politika Ewropea dwar il-visas.
Fil-laqgħa ministerjali, li saret fil-Lukanda Hilton, ipparteċipaw rappreżentanti mill-Kroazja, minn Ċipru, minn Franza, mill-Greċja, mill-Italja, mill-Portugall u minn Spanja. Attendew ukoll uffiċjali mill-Kummissjoni Ewropea.
Edward Zammit Lewis qal li 21 fil-mija tat-turisti qed joqogħdu lura milli jżuru pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, minhabba l-prerekwiżiti tal-visas.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li fl-2013 kien hemm aktar minn miljun u nofs turist li żaru Malta. Madwar erbgħa fil-mija minn dan in-numru kienu ġenerati minn swieq li ħteħilhom visa – fosthom iċ-Ċina, l-Ukrajna u r-Russja – swieq li ċertament joffru potenzjal kbir għal Malta kif ukoll għal pajjiżi Ewropej li jinsabu fil-Mediterran fejn it-turiżmu, għalihom, hu pilastru ekonomiku.
Edward Zammit Lewis stqarr li l-Gvern qed isaħħaħ l-isforzi tiegħu fir-reklamar f’dawn is-swieq, sforzi li jridu jkunu kumplimentati minn politika ċara dwar il-visas.
Il-Ministru Zammit Lewis żied li l-politika Ewropea dwar il-Visas issaħħaħ l-attivita’ ekonomika tal-UE u ttejjeb l-opportunitajiet dwar il-ħolqien tax-xogħol fis-settur turistiku.
Hu qal li l-adozzjoni ta’ aktar regolamenti flessibbli u aċċessibbli dwar il-visas mistennija tiġġenera żieda ta’ vjaġġi fiż-Żona Schengen.
Daniel Calleja Crespo, id-Direttur :enerali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Intrapriża u l-Industrija fakkar li 20 miljun impjieg fl-Ewropa huma preżenti fis-settur turistiku u l-industrija hi t-tielet l-akbar attivita’ ekonomika fl-Unjoni Ewropea.
Hu stqarr li jekk is-sistema fil-ħruġ tal-visas tkun faċilitata, din tista’ twassal għal żieda ta’ 60 fil-mija ta’ turisti li jżuru stati membri tal-Unjoni.
//= $special ?>

