Lokali Qorti

Libertà proviżorja għal eks ħaddiem tal-Enemalta akkużat bi tbagħbis

Anthony Mifsud, ta’ 50 sena mir-Rabat u li qed iwieġeb mhux ħati li ffroda lill-Korporazzjoni Enemalta b’installazzjoni ta’ Smart Meters imbagħbsin, ingħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Carol Peralta.

Mifsud ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,500 wara li qed jiġi mixli li nstalla Smart Meters li kienu juru konsum anqas milli suppost. Il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu bdiet it-Tlieta li għadda, meta l-Qorti kienet qed tistenna r-risposta tal-Avukat Ġenerali wara t-talba li għamel Mifsud.

It-Tlieta stess, Marin Cilia La Corte, li qed jiġi mixli bl-istess akkużi, kien ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,500. Anke Manuel Micallef, ta’ 35 sena mill-Imtarfa u li qed jiġi mixli wkoll bit-tbagħbis ta’ Smart Meters, ukoll ingħata l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,500.

Sadanittant Richard Gauci, ta’ 47 sena mir-Rabat u li kien ammetta l-istess akkużi, għadu qed jistenna li tingħatalu s-sentenza. Il-każijiet ikomplu fil-ġimgħat li ġejjin.