F’intervista fuq Radju RTK, l-ex Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia tkellem dwar ir-raġunijiet li wasslu għar-riżenja tiegħu u qal li fost dawn kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni u nuqqas ta’ armonija bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Godfrey Farrugia qal ukoll li ma kienx komdu jaħdem ma numru ta’ nies fil-Ministeru għal Familja u s-Solidarjeta` Soċjali li kienu appuntati qabel ma saret ir-reshuffle fil-Kabinett u din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex ma aċċettax dan il-Ministeru. Hu qal li raġuni oħra kienet l-inċertezza dwar ir-rwol soċjali ġdid li kien se jingħata lil President ta’ Malta.
Hu spjega li dejjem ħadem biex itejjeb is-servizzi tas-saħħa u hu kien qed jaħdem biex jagħmel pedamenti sodi. Hu qal li l-ispekulazzjoni dwar it-tneħħija tiegħu minn Ministru tas-Saħħa ħolqot inċertezza kbira u qal li hu kien infurmat uffiċjalment li ma kienx se jibqa’ l-Ministru tas-Saħħa ġurnata qabel irriżenja minn uffiċjal għoli tal-Gvern.
It-tabib Godfrey Farrugia qal li hu ma setax jorqod f’dak il-lejl tant li qam fl-4.30 a.m u mar il-Ministeru tas-Saħħa u ħejja l-handover.
L-ex Ministru qal li x-xogħol tajjeb li sar fil-Ministeru tas-Saħħa kien midfun f’baħar ta’ pubbliċita` negattiva fil-media u qal li veru li kien hemm nuqqasijiet fuq kif kienu immaniġġjati r-relazzjonijiet pubbliċi.
Sadattant illum wara nofsinhar, Godfrey farrugia flimkien mas-sieħba tiegħu id-Deputat Marlene Farrugia dehru ħerġin mill-Palazz tal-Girgenti, ir-residenza tas-Sajf tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fi tweet li għamel fuq Twitter, il-Prim Ministru qal li hu tajjeb li hu irritorna lura għax-xogħol. Dan b’referenza għal inċident li seħħ il-Ħadd filgħodu meta hu flimkien ma għexieren ta’ persuni oħra li kienu taħt it-tinda f’attivita` politika tal-Partit Laburista fiż-Żurrieq, kellhom jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei għal kura minħabba hruq f’ġisimhom u f’għajnejhom x’aktarx kaġun tar-raġġi UV mid-dwal qawwija tal-ispotlights. Il-Prim Ministru dam irtirat għal diversi jiem minħabba dan l-inċident.
//= $special ?>