Qorti

Żagħażugħ taħt l-eta’ mhux ħati li stupra żewġ neputijiet tiegħu

Żagħażugħ li fl-2007 kellu 13-il sena ma nstabx ħati li f’dik is-sena u fis-snin ta’ qabel f’appartament ġewwa Ħaż-Żebbuġ u f’ inħawi oħra ta’ Malta kkommetta stupru fuq tewmien bniet li dak iż-żmien kellhom seba’ snin.

Huwa lanqas ma nstab ħati li ssekwestra lill-istess tewmien u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-bniet. Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif fl-2008 sar rapport mal-Aġenzija Appoġġ, minn nanna tat-tewmien dwar abbuż sesswali fuqhom mis-sieħeb ta’ ommhom.
Aktar tard wara stħarriġ li sar mill-Aġenzija Appoġġ dwar dan ir-rapport sar rapport ieħor minn omm it-tewmien fejn inbidlet il-verżjoni u beda jingħad li l-abbuż sesswali fil-fatt kien sar minn ħu l-omm li issa kien laħaq għalaq 14-il sena.

Wara sar rapport lill-Pulizija u bdew il-proċeduri. Waħda mit-tewmien xehdet permezz tal-video-conferencing. Hija qalet li kienet kellmet lin-nanna tagħha minħabba li meta kienet għadha żgħira, l-għarus ta’ ommha kien poġġa jdejh fuq il-warrani tagħha.

L-Aġenzija Appoġġ investigat dan il-każ iżda ħareġ minflok li hija kienet qed tiġi abbużata minn zijuha. Hija kompliet tgħid li z-ziju tagħhom kien jgħid lilha u lil oħtha biex imorru fil-kamra tiegħu fejn kellu l-kompjuter biex joqgħodu jiżfnu.

Din qalet li waqt li jkunu fil-kamra tiegħu kien imisshom fuq sidirhom u fil-parti privata tagħhom u li kien joqgħod ibushom. It-tifla qalet ukoll li zijuhom kien joqgħod jesponi wkoll il-parti privata tiegħu u anke jkollu x’jaqsam magħhom. Kien ukoll jagħmel atti oħra li jikkwalifika bħala sess orali.

Skont il-minuri dawn l-affarijiet bdew meta hija kellha seba’ snin u waqfu meta kellha 11-il sena, u li dak iż-żmien zijuhom kellu bejn 11 u 14-il sena. Hija qalet li dawn l-affarijiet kienu jsiru madwar tliet darbiet fil-ġimgħa u spjegat li l-ewwel zijuha kien jibda fuq oħtha u wara kien ikompli fuqha.

Ix-xhud qalet li zijuhom kien isakkar il-bieb tal-kamra tiegħu bil-firroll u li darba minnhom daħlet in-nanna tagħha u ratu għarwien. Il-minuri qalet li hi u oħtha kienu tkellmu maz-zija tagħhom fuq dawn l-affarijiet iżda din ma għamlet xejn u meta kellhom 11-il sena qalu kollox lil ommhom u wara ttieħdu l-passi.

Waħda mill-minuri qalet li huwa minnu li għall-ewwel huma kienu għamlu rapport kontra l-għarus ta’ ommhom fejn lil dan ma kienux jaħmluh. Qalet li n-nanna tagħha kienet taf x’qed jiġri lilha u lil oħtha, iħda għal xi żmien kienu dawruha fuq l-għarus ta’ ommhom.

Oħt ix-xhud, it-tewmija l-oħra xehdet kważi bħal ma xehdet oħtha. Xehdet ukoll oħt l-akkużat li qalet li għamlet żewġt isjuf tieħu ħsieb it-tfal ta’ oħtha, jiġifieri l-minuri u dan minħabba li omm it-tfal kienet marida. Hija qalet li t-tewmien kienu qalulha x’jagħmillhom l-akkużat.

L-akkużat xehed li huwa kellu relazzjoni tajba ħafna mat-tewmien u qal li oħtu bdiet twaħħal fih u tallega li abbuża mit-tfal tagħha minħabba li hija kienet ma’ sieħeb li ħadd ma riedha tkompli miegħu. Huwa qal li għall-ewwel it-tfal bdew iwaħħlu fis-sieħeb ta’ ommhom iżda meta tkellmet magħhom ommhom it-tfal bidlu l-verżjoni tagħhom.

L-imputat dejjem innega li kien għamel xi ħaġa lit-tfal. Sadanittant il-ġenituri tal-minuri rrinunzjaw għall-azzjoni kriminali fil-konfront tal-imputat u għalhekk il-proċediment huwa wieħed eżawrit.

Il-Qorti qalet ukoll li li għandha dubji serji dwar il-kreddibilita’ tat-tewmien fuq dak li allegaw fuq zijuhom. Dan aktar u aktar meta l-ewwel dawn waħħlu f’terza persuna iżda mbagħad wara li ommhom għamlet rapport ieħor huma bidlu l-verżjoni.

Il-Qorti qalet li għandha dubju serju fuq l-allegazzjonijiet li saru. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Raymond Aquilina filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Mark Vassallo.