Internazzjonali

Aktar bini fl-Ukrajna jinħataf minn nies armati

Kompliet tiżdied it-tensjoni fl-Ukrajna wara li matul il-ġurnata tas-Sibt, aktar bini tal-Gvern fil-Lvant spiċċa nħataf minn gruppi ta’ rġiel armati.

L-aħħar każ kien jikkonċerna l-għassa tal-Pulizija fil-belt ta’ Sloviansk qrib il-fruntiera Russa.

Arsen Avakov, il-Ministru tal-Intern Ukren, filwaqt li ddeskriva dawn in-nies bħala terroristi, qal li truppi kienu ntbagħtu biex jieħdu l-kontroll lura tal-bini. Imma dan ta’ Sloviansk kien biss l-aħħar f’sensiela ta’ ħtif ta’ bini governattiv fil-Lvant tal-Ukrajna fejn hemm ħafna li jħossuhom eqreb għar-Russja milli għall-Gvern ċentrali fi Kiev.

Il-Gvern ta’ Kiev qal li dan il-ħtif qed ikun manuvrat minn Moska hekk kif ix-xahar id-dieħel se ssir l-elezzjoni ġenerali fil-pajjiż. F’Donetsk, madwar 130 kilometru minn Sloviansk, irġiel armati ilhom diversi ġranet jokkupaw bini tal-Gvern u jitolbu referendum bħalma sar fil-Krimea biex jingħaqdu mar-Russja huma wkoll.

Il-Gvern fi Kiev ta sal-Ġimgħa biex jitilqu mill-bini imma s’issa ma sar xejn minn ebda naħa. Hekk kif kien ta l-ultimatum, Avakov kien wissa li kien se jkun hemm konsegwenzi kbar għal dawk li ħatfu l-bini .
Bħala reazzjoni għal dan, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet kontra dawk li ntqal kellhom rabtiet mal-ħtif ta’ bini li qed isir.

Sadattant ir-Russja wkoll qed tiċħad li qed tlesti għal invażjoni tal-Ukrajna u n-NATO xandret ritratti ta’ ammonti kbar ta’ truppi mal-fruntiera Ukrena. Imma Moska qed isostni li dawn huma ritratti tas-sena li għaddiet.