Internazzjonali

Arrestat fil-Libanu ajjutant ewlieni ta’ Berlusconi

Il-Gvern Taljan ħabbar li Marcello Dell’Utri, ajjutant ewlieni tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi u eks Senatur tal-partit tiegħu, kien arrestat f’lukanda lussuża f’Bejrut, il-kapitali tal-Libanu.

L-aħbar ingħatat minn Angelino Alfano, il-Ministru tal-Intern Taljan. F’dawn il-ġranet kienet qed issir kaċċa internazzjonali għal Dell’Utri wara li qorti f’Palermo ħarġet mandat ta’ arrest kontrih minħabba rabtiet mal-Mafja.

F’Marzu, dell’Utri, li għandu 72 sena, kien kundannat għal seba’ snin ħabs u hu għeb mill-pajjiż hekk kif kellu jinstema’ l-appell tiegħu. Dell’Utri kien qed isostni li hu ma kienx ħarab mill-Italja imma kien biss telaq mill-pajjiż biex jistrieħ.
Dell’Utri kien kruċjali fil-ħolqien ta’ Forza Italia u hu nstab ħati li għamilha ta’ medjatur mal-Mafja u Berlusconi fil-bidu tal-karriera tiegħu.

Sadattant l-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi qal li ried jaħdem ma’ dawk li għandhom diżabbiltà bħala parti mill-kastig tiegħu għal frodi. Berlusconi kien kundannat li jagħmel sena ta’ ħidma soċjali apparti li projbit milli jokkupa kariga pubblika.

Il-qrati jridu jiddeċiedu x’se jsir sa nhar it-Tlieta u għalkemm hu jista’ jintalab jiskonta l-piena l-ħabs, dan mhux mistenni jseħħ.