Lokali

Il-Gvern qed jipprova jżid taxxi oħra

“Il-Ministru tal-Finanzi qed jipprova jżid taxxi oħrajn minbarra dawk li daħħal fil-Bagit għall-2014 bl-iskuża tal-loopholes u, minkejja li qed jagħmel dan minn wara dahar kulħadd, qed jippretendi li l-Oppozizzjoni tivvota favur dawn iż-żidiet.”

Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Tonio Fenech fi stqarrija li fiha qal li, biex jispjega l-ħabi taż-żidiet fit-taxxi, il-Ministru Scicluna qed jgħid li ż-żieda ddaħħlet għax kien hemm operaturi li għollew il-prezz tas-sigaretti. L-istqarrija tgħid li għall-Ministru mhux ġust li qed isir dan il-qligħ u għalhekk irid iżid it-taxxa biex jieħu l-qligħ hu.

L-istqarrija tkompli tgħid li t-taħwid li kien hemm fil-Parlament dwar iż-żieda fit-taxxa tas-sigaretti seta’ ġie evitat kieku l-Ministru Scicluna kien onest fil-Bagit li għadda. Dakinhar il-Ministru ma riedx jgħid b’kemm se jżid it-taxxa biex jipprova jbigħ l-illużjoni li mhux se jkun hemm żidiet fit-taxxi u għalhekk ta kull opportunita biex jiżdiedu b’mod varjat il-prezzijiet tas-sigaretti.

Wara li l-Oppożizzjoni spjegat li dak li kien qed jagħmel il-Ministru tal-Finanzi ma kienx ġlieda kontra l-evazjoni tat-taxxa jew biex jagħlaq xi loophole imma sempliċiment żieda ta’ 5c fuq kull pakkett sigaretti, l-emenda li ressaq il-Gvern giet irtirata. ‘Daqshekk kien konvint minn dak li kien qed jgħid u jagħmel il-Ministru Scicluna’, tkompli tgħid l-istqarrija.

L-istqarrija tfakkar li l-Ministru tal-Finanzi ressaq emenda oħra biex skont hu jagħlaq loophole oħra fuq is-siment li se twassal għal żieda straordinarja ta’ 60% fuq siment importat u introduzzjoni ta’ taxxa ġdida fuq siment importat li qabel ma kienx hemm taxxa fuqu. Hawn ukoll, tgħid l-istqarrija, il-Ministru tal-Finanzi ppretenda li l-Oppożizzjoni tagħlaq ħalqha bl-iskuża li l-gvern qed jiġġieled l-evazjoni.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Ministru Scicluna hu intiż li jdaħħal mekkaniżmi ta’ zidiet fit-taxxi b’mod awtomatiku bhal dawk fir-Renju Unit, xi ħaga li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma taqbilx magħha.

L-istqarrija ttemm li minkejja li dan il-Gvern wiegħed li mhux se jżid taxxi u li kien se jkabbar l-ekonomija, dan it-tkabbir mhux jimmaterjalizza u l-Gvern qed iżid it-taxxi. Fl-istess ħin il-qgħad qiegħed jikber minkejja li l-Gvern qed jaħbi din il-problema bin-nies li qed iżid biex jaħdmu miegħu u dan se jkompli jzid il-piż tat-taxxi fuq il-poplu.