Lokali

Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex

Bħalissa hu stmat li hawn mal-400 immigranti u refuġjati f’Għawdex u l-Knisja għandha potenzjal li ssir aġent primarju ta’ integrazzjoni billi tħeġġeg l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha, jieħdu iktar inizzjattivi konkreti f’din il-missjoni umanitarja.

Kien propju għal dan il-għan li fis-Sajf li għadda, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, waqqaf Kummissjoni biex tagħtih rakkomandazzjonijiet dwar x’mizuri u inizzjattivi ta’ għajnuna jistgħu jittieħdu mid-Djocesi ta’ Għawdex.

Il-Kummissjoni, immexxija minn Dun Manwel Cordina, tirrakkomanda li jitwaqqaf ċentru ta’ servizz għall-immigranti residenti f’Għawdex, korsijiet ta’ tagħlim u taħrig lil tradutturi biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li jitwaqqaf kunsill konsultattiv li kontinwament joffri appoġġ għall-bżonnijiet tagħhom u l-organiżżazzjoni ta’ attivitajiet interkulturali li jippromovi inklużjoni soċjali. Dan f’kollaborazzjoni bejn il-parroċċi, kunsilli u entitajiet oħrajn.

Fi kliem l-Isqof Mario Grech, dan id-dokument hu wieħed mill-ewwel passi sabiex jinfetaħ djalogu li jibni relazzjonijiet bejn il-komunita’ Nisranija f’Għawdex u l-komunita’ ta’ immigranti u refuġjati.

Din l-inizjattiva, kompla l-Isqof ta’ Għawdex, hi wkoll tweġiba għas-sejħa tal-Papa Franġisku li l-Knisja tilħaq il-periferiji tas-Soċjeta’.