Ftit tal-jiem ilu l-Ministru Evarist Bartolo wera interess li jiltaqa’ mal-Oppożizzjoni u l-Kunsill Studenti Universitarji u jiddiskuti l-Avviż Legali li se jagħti l-poter lill-Ministru tal-Edukazzjoni jakkwista data personali tal-istudenti mill-ewwel sena tal-iskola sa meta jispiċċaw l-istituzzjonijiet edukattivi.
Madankollu, minn dakinhar la l-Ministru u lanqas ħadd mill-istess Ministeru ma kkomunika jew talab laqgħa mal-Oppożizzjoni.
Għalhekk l-Oppożizzjoni se żżomm mal-mozzjoni ppreżentat fil-parlament u li għandha tiġi diskussa nhar it-Tnejn li ġej.
Stqarr dan il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tkellmu wkoll il-kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg kif ukoll il-Kelliema għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Paula Mifsud Bonnici.
Joe Cassar qal li l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona li d-data tal-istudenti kollha tingħata lill-Ministru għax mhux xogħol il-Minsitru tal-Edukazzjoni li jkun ir-reċipjent tal-informazzjoni. Qal li jekk dan isir joħloq periklu għax bil-liġi tad-data, ir-reċipjent tal-informazzjoni jiġi wkoll kontrullur tal-istess data.
Periklu ieħor li jpoġġi dan l-Avviż Legali hu li ma jiddefinixxix b’mod ċar x’inhi r-riċerka li l-Ministru Evarist Bartolo qed jgħid li se jagħġmel b’din id-data personali. Joe Cassar fakkar li r-riċerka kważi qatt ma titlob data personali imma tistudja gruppi skont l-eta’ jew klassifikazzjoni oħra ma tidħolx speċifikament fuq l-istudent partikolar. Joe Cassar kompla li jekk dan isir jiġi profil tal-istudenti.
Periklu ieħor li semma Joe Cassar hu li l-Avviz Legali jhalli lill-Ministru jikseb kwalunkwe data li jixtieq u fuq it-terminu ta’ zmien li jixtieq, mingħajr limiti.
Imma fuq kollox, din il-liġi se tidhol fil-privatezza ta’ kull student, inkluż il-minuri, u allura ikun qed jintilef il-punt kardinali dwar il-privatezza tal-bniedem.
Joe Cassar wissa’ li dan hu messaġġ ieħor ta’ gvern li qed ikompli jirrombla minn fuq kulħadd u jrid ikun il-Big Brother fuq il-poplu. Għalhekk wera t-tama li xi ħadd mill-membri tal-gvern fil-Parlament ikun man-naħa tal-poplu u jivvota għall-ġid taċ-ċittadini.
Minn naħa tagħha Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Gvern Laburista nesa li hawn liġi speċifika tad-Data Protection Act. Imma minn dan l-Avviż Legali joħroġ biċ-ċar li l-Ministru qed jitlob data personali mingħajr kunsens tal-ġenituri kompliet Paula Mifsud Bonnici.
Hi rreferiet ukoll għal numru ta’ artikli fil-liġi li jitkellmu dwar l-ipproċessar tad-data, meta dan jista’ jsir u minn min.
Fost l-oħrajn, l-Avviż Legali 125 jgħid li l-ipproċessar tad-data tal-minuri miksuba mingħand l-għalliema tista’ tiġi pproċessata biss jekk isir bil-kunsens tal-ġenituri jew jekk ikun fl-interess tal-istess studenti.
Dan l-Avviż Legali li jrid idaħħal il-gvern imur ukoll kontra l-Artiklu 16 tal-liġi tal-Unoni Ewropa li jgħid li kull data fil-file tal-istudenti għandu jkun limitat biss għall-iskejjel, spetturi li jżuru l-skejjel, pulizija jew social workers.
Għandna quddiemna Avviż Legali li jagħti drittijiet lill-Ministru biex jakkwista informazzjoni miftuħa u li allura tkun qed ixxekkel id-drittijiet tal-minuri u l-ġenituri, temmet tgħid Paula Mifsud Bonnici.
Claudette Buttigieg tkellmet dwar kif il-ġenituri dejjem ġew imwissija biex jipproteġu lit-tfal u minkejja li lil uliedhom jibagħtuhom fl-istituzzjonijiet edukattivi, xorta waħda l-ulied jibqgħu tal-ġenituri u l-istat m’għandu l-ebda dritt jikser id-data u privatezza tagħhom.
Fakkret kif bħala omm, trid tagħti kunsens lil bintha biex toħroġ ma tal-iskola, tieħu sehem fl-attivitajiet, jew biex jittieħdu ritratti tal-istudenti waqt il-ħin tal-iskola.
Claudette Buttigieig qalet li l-Ministru jrid tispjega kif, meta, fejn u min se jkollu aċċess għall-informazzjoni tat-tfal u mhux jaqbad u jiħodha.
//= $special ?>

