Qed isiru l-aħħar tħejjijiet fi Tripli għall-proċess li se jibda nhar it-Tnejn ta’ Saif al-Islam u Saadi Gaddafi – iż-żewġt it-tfal tal-eks ditattur Libjan Muammar Gaddafi. Proċess li jekk jinstabu ħatja fih qed jissugraw li jingħataw il-piena tal-mewt.
Il-proċess mistenni jdum ix-xhur u matulu mistennija jitressqu quddiem il-qorti diversi stejjer ta’ krudeltà kbira miż-żewġ aħwa matul id-dittatura ta’ missierhom.
Fil-każ ta’ Saadi, ħafna mix-xhieda li se jkun hemm se tittratta krudeltà marbuta mad-dinja tal-isport, partikolarment il-futbol.
Fost dawn hemm sparatura li kienet seħħet fl-1996 meta t-team ta’ Saadi, Al-Ahly, kien rebaħ logħba importanti. Hu kien ħaseb li l-folla bdiet tgħajjar it-team fi tmiem il-logħba u kien ordna t-truppi jiftħu n-nar. Sparar li dam sejjer 15-il minuta u li wassal għall-mewt ta’ mill-anqas 20 persuna u wara qraba kienu sfurzati jiffirmaw dikjarazzjoni li l-vittmi kienu qed jaqilgħu l-inkwiet. Hemm ukoll spekulazzjoni li l-isparar kien marbut mal-massakru li kien seħħ ġimagħtejn qabel fil-ħabs ta’ Abu Salim fejn inqatlu 1,200 ħabsi.
Se jidher quddiem il-qorti anki Abduallah Senussi, l-eks kap tas-servizzi sigrieti Libjani, li fost l-oħrajn hu akkużat li kien wara l-massakru f’Abu Salim.
It-tlieta li huma wkoll se jkunu akkużati li ordnaw il-massakri fil-bidu tar-rivoluzzjoni Libjana fl-2011.
Fil-każ ta’ Saif, hu mhux se jkun preżenti fi Tripli imma se jsegwi l-proċess permezz ta’ video-link minn Zintan, fejn qed jinżamm fil-moħbi. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandat ta’ arrest għal Saif imma l-awtoritajiet Libjani qed jirrifjutaw li jestraduh.
Minħabba s-sitwazzjoni kaotika li għadd hemm fil-Libja, m’hemm ebda ħjiel kemm se jdum il-proċess u kemm se josservaw ir-regoli ġuridiċi internazzjonali.


